2 PIETRU Ħarsa ħafifa lejn l-ittra - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn l-ittraPietru indirizza l-ittra tiegħu lil ċirku wiesa’ ta’ nsara tal-bidu. Riedhom jifhmu li huma kellhom jgħixu b’mod li jagħti ġieħ lil Alla, billi jżommu sod mat-tagħlim li rċevew mingħand l-appostli.Wissiehom li fosthom kien hemm uħud, li għalkemm daħlu fil-Knisja, xejn ma kienu qed ixandru tagħlim tajjeb. Alla kien se jikkastigahom ta’ għemilhom; l-insara tassew kellhom jiftħu għajnejhom mit-tagħlim qarrieq ta’ dawn il-profeti foloz.F’ċirkostanzi bħal dawn, id-dmir tal-insara hu li jsaħħu aktar it-twemmin tagħhom u li jkunu ta’ eżempju aktar qawwi għan-nies ta’ madwarhom. Il-pedamenti ta’ ħajjithom għandhom ikunu t-tagħrif, il-kontroll fuqhom infushom, u l-prattika tal-paċenzja. Fuq kollox, iżejnu l-għemejjel tagħhom bl-imħabba lejn Alla u lejn xulxin.Ġesù Kristu se jerġa’ jiġi verament, hekk kif kien imħabbar.Dan għandkom tkunu tafu, ħuti għeżież: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed. Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema (3,8-9).It-taqsim tal-ittraIntroduzzjoni (1,1-2)Is-sejħa tan-nisrani (1,3-21)Għalliema qarrieqa (2,1-22)L-aħħar miġja ta’ Kristu (3,1-18)