1Fix-xahar ta’ Nisan tas-sena għoxrin tas-saltna ta’ Artasersi, is-sultan kellu l-inbid quddiemu, u jien ħadt l-inbid u newwilthulu. Qatt ma kont wiċċi mqarras quddiemu.
2U hu qalli: “Għaliex int wiċċek imqarras? Marid m’intix: għalhekk dan tiegħek mhuwiex ħlief swied il-qalb.” Imbagħad jien bżajt ħafna;
3imma weġibt lis-sultan; “Sultan, jalla tgħix għal dejjem! Għax m’għandix inqarras wiċċi meta l-belt fejn hemm l-oqbra ta’ missirijieti hi ħerba waħda u l-bibien tagħha maħruqa bin-nar?”
4Qalli mbagħad is-sultan: “X’inhu li qiegħed titlobni?” Jien tlabt lil Alla tas-smewwiet,
5u weġibt lis-sultan: “Jekk is-sultan jidhirlu li hi ħaġa sewwa u jekk il-qaddej tiegħek jogħġob lis-sultan, nixtieq li tibgħatni f’art Ġuda, fil-belt fejn hemm l-oqbra ta’ missirijieti, ħalli nerġa’ nibniha.”
6Imbagħad, bis-sultana bilqiegħda maġenbu, is-sultan staqsieni: “Kemm iddum il-mawra tiegħek? Kemm iddum ma terġa’ lura?” U meta jien tajtu ż-żmien, is-sultan għoġbu jibgħatni.
7Jien għalhekk għedt lis-sultan: “Jekk is-sultan jogħġbu, ħa jagħtini ittri għall-gvernaturi tan-naħa l-oħra tal-Ewfrat, biex iħalluni ngħaddi min-naħa għall-oħra sa ma nasal f’art Ġuda.
8Ħa jagħtini wkoll ittra għal Asaf, li jieħu ħsieb il-foresti tas-sultan, biex jagħtini injam għat-travi fid-daħliet tal-fortizza li tħares it-tempju, tas-swar tal-belt, u tad-dar fejn se noqgħod.” U s-sultan tani dan kollu, għax id Alla tiegħi kienet ħanina miegħi.
9Imbagħad mort għand il-gvernaturi tan-naħa l-oħra tal-Ewfrat, u tajthom l-ittri tas-sultan. Is-sultan bagħat miegħi fizzjali tal-eżerċtu u kavallerija.
10Mela jisimgħu b’dan Sanballat il-Ħoroni u Tobija, l-uffiċjal Għammoni, u qabdithom diqa kbira għax kien ġie wieħed li ried jagħmel il-ġid lil ulied Iżrael.
Neħemija jibni s-swar ta’ Ġerusalemm11Mort imbagħad Ġerusalemm, u meta kont ili hemm tlitt ijiem
12qomt billejl ma’ ftit irġiel oħra, imma ma wrejt lil ħadd x’kien nebbaħni nagħmel Alla tiegħi għal Ġerusalemm. Lanqas bhima ma kelli miegħi, ħlief dik li kont riekeb fuqha.
13Ħriġt billejl minn Bieb il-Wied għan-naħa ta’ Għajn id-Dragun u lejn Bieb id-Demel, u flejt is-swar imħarbta ta’ Ġerusalemm u l-bibien tagħha maħruqa bin-nar.
14Qsamt imbagħad għal Bieb il-Għajn u lejn il-Menqgħa tas-sultan, u hemm ma kienx hemm post fejn setgħet taqsam il-bhima li kelli taħti.
15Tlajt il-wied billejl u flejt is-swar; imbagħad ġejt mill-ġdid f’Bieb il-Wied, u rġajt lura.
16L-uffiċjali Persjani ma ntebħux fejn kont mort u x’kont qed nagħmel; u jien s’issa kont għadni m’għarraft b’xejn lil-Lhud, lill-qassisin, lill-kbarat, lill-uffiċjali Persjani, u ’l-oħrajn li kellhom jagħmlu din il-biċċa xogħol miegħi.
17Imbagħad għedtilhom: “Qegħdin taraw kemm hi ħażina l-qagħda li ninsabu fiha: Ġerusalemm hi ħerba waħda u l-bibien tagħha huma maħruqa bin-nar. Ejjew nibnu s-swar ta’ Ġerusalemm, u ma nibqgħux iktar f’dan l-għajb.”
18Meta mbagħad għedtilhom kemm kienet ħanina id Alla tiegħi miegħi, u x’kien qalli s-sultan, qaluli: “Inqumu u nibnuhom!” U huma għamlu l-qalb għal din il-biċċa xogħol ta’ fejda.
19Meta semgħu Sanballat il-Ħoroni, Tobija, l-uffiċjal Għammoni, u Gesem, l-Għarbi, bdew jiddieħku bina u jżebilħuna. U qalulna: “X’inhu dan li qed tagħmlu? Jaqaw se tqumu kontra s-sultan?”
20Imma jien bgħatt ngħidilhom: “Hu Alla tas-smewwiet li jibagħtilna r-riżq, għax aħna qaddejja tiegħu. Aħna nqumu ħa nibnu, imma intom f’Ġerusalemm ma jkollkomx sehem, dritt, jew tifkira.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.