1Talba ta’ Mosè, il-bniedem ta’ Alla.
Mulej, int kont għalina
kenn minn nisel għal nisel.
2Qabel ma twieldu l-muntanji,
qabel ma tnisslu l-art u d-dinja,
minn dejjem ta’ dejjem int, o Alla!
3Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,
u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”
4Elf sena huma għalik
bħal jum ta’ lbieraħ li għadda,
jew bħal sahra tal-lejl.
5Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.
Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;
6filgħodu jwarrad u jħaddar,
filgħaxija jidbiel u jinxef.
7Ninsabu mifnija bil-qilla tiegħek,
mibluha minħabba l-għadab tiegħek.
8Int ġibt quddiem għajnejk ħtijietna,
dnubietna l-moħbija fid-dawl ta’ wiċċek.
9Jiemna kollha jgħibu minħabba qilltek,
jintemmu bħal tnehida s-snin ta’ ħajjitna.
10Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena;
l-iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna;
u l-biċċa l-kbira taħbit u niket;
malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.
11Min jista’ jifhem il-qawwa ta’ qilltek?
Min jista’ jqis il-biża’ ta’ għadbek?
12Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
13Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek.
14Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
15Ferraħna daqs kemm għakkistna,
għas-snin li fihom rajna l-ħsara.
16Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,
u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.
17Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.