SALMI 119 - Maltese Bible with DC

Salm 119Il-ġmiel tal-Liġi ta’ AllaAlef

1Henjin dawk li triqthom bla ħtija,

li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

2Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,

u li jfittxuh b’qalbhom kollha.

3Huma ma jagħmlux ħażen,

imma jimxu fit-triqat tal-Mulej.

4Int tajt il-preċetti tiegħek,

biex inħarsuhom bir-reqqa.

5Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi

fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!

6Imbagħad ma jkollix għax nistħi,

la naħseb fuq il-kmandamenti tiegħek kollha.

7Imbagħad infaħħrek b’qalb safja.

Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.

8Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek;

la tħallinix għalkollox!

Bet

9Kif jista’ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu?

Billi jħares il-kelma tiegħek.

10B’qalbi kollha jiena nfittxek;

tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.

11Jien żammejt kelmtek f’qalbi,

biex ma nidneb qatt kontrik.

12Imbierek int, Mulej!

Għallimni l-kmandamenti tiegħek.

13B’xufftejja jiena nxandar

id-digrieti kollha ta’ fommok.

14Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek,

daqs kieku kelli l-għana kollu.

15Fuq il-preċetti tiegħek irrid naħseb,

u nżomm għajnejja fuq triqatek.

16Bil-kmandamenti tiegħek irrid nitgħaxxaq,

qatt ma ninsa l-kelma tiegħek.

Gimel

17Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek,

agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.

18Iftaħli għajnejja,

biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

19Barrani jien fuq l-art;

taħbix minni l-kmandamenti tiegħek.

20Tinfena qalbi l-ħin kollu

bix-xewqa tad-digrieti tiegħek.

21Il-kburin inti ċċanfarhom;

misħut min jitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.

22Neħħi minn fuqi t-tagħjir u tkasbir tagħhom,

għax jiena nħares il-preċetti tiegħek.

23Imqar jekk il-kbarat joqogħdu jqassu fuqi,

fuq il-kmandamenti tiegħek jibqa’ jaħseb il-qaddej tiegħek.

24Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi,

huma jagħtuni l-parir tajjeb.

Dalet

25Mixħuta fit-trab hi ruħi;

aħjini int skont kelmtek.

26Triqati wrejtek, u int weġibtni;

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

27Fehemni t-triq tal-preċetti tiegħek,

biex naħseb fuq għeġubijietek.

28Jiena nfnejt bin-niket;

erfagħni int skont kelmtek.

29Biegħed minni triq il-gideb;

agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.

30Jiena għażilt it-triq tas-sewwa;

ħtart għalija d-digrieti tiegħek.

31Inżomm sħiħ mal-preċetti tiegħek;

Mulej, tħallinix naqa’ fil-mistħija.

32Jien niġri fit-triq tal-kmandamenti tiegħek,

għax int saħħaħtli qalbi.

He

33Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek;

jiena rrid nibqa’ fiha sal-aħħar.

34Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek

u nagħmilha b’qalbi kollha.

35Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek,

għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.

36Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek,

u mhux lejn ir-regħba.

37Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa;

agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.

38Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,

li int għamilt ma’ dawk li jibżgħu minnek.

39Warrab minni l-għajb li nibża’ minnu,

għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.

40Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek;

fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.

Waw

41Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej,

u s-salvazzjoni tiegħek skont il-wegħda tiegħek.

42Imbagħad nagħti tweġiba lil min jgħajjarni,

għax jien nafda fil-kelma tiegħek.

43Tneħħili qatt minn fommi kliem is-sewwa,

għax jien fid-digrieti tiegħek nittama.

44Inħares il-liġi tiegħek għal dejjem,

u għal dejjem ta’ dejjem.

45U nkun bla xkiel fil-mixi tiegħi,

għax jiena nfittex il-preċetti tiegħek.

46U nitkellem fuq il-preċetti tiegħek

quddiem is-slaten, u ma nistħix.

47Nitgħaxxaq bil-kmandamenti tiegħek,

li jiena ħabbejt.

48Nerfa’ jdejja lejn il-kmandamenti tiegħek,

u naħseb fuq il-preċetti tiegħek.

Żajin

49Ftakar fil-kelma li tajt lill-qaddej tiegħek,

li biha inti ttamajtni.

50Dan hu l-faraġ fin-niket tiegħi:

li l-wegħda tiegħek tagħtini l-ħajja.

51Jiddieħku bija l-kburin għall-aħħar;

imma jiena ma nitbigħedx mil-liġi tiegħek.

52Niftakar fid-digrieti tiegħek ta’ dari;

fihom, Mulej, jiena nsib il-faraġ tiegħi.

53Nagħdab għall-aħħar minħabba l-ħżiena

li jitilqu l-liġi tiegħek.

54L-għanja tiegħi l-kmandamenti tiegħek,

f’dan il-post fejn jien barrani.

55Billejl f’ismek niftakar, Mulej,

u nħares il-liġi tiegħek.

56Din hi l-barka li messet lili:

li jiena nħares il-preċetti tiegħek.

Ħet

57Jien għedt, Mulej: “Dan hu sehmi,

li nħares il-kelma tiegħek.”

58Quddiemek nitlob b’qalbi kollha;

ħenn għalija skont il-wegħda tiegħek.

59Jien qist sewwa l-mixi tiegħi,

u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

60Ngħaġġel u ma nitnikkirx,

biex inħares il-kmandamenti tiegħek.

61Il-ħbula tal-ħżiena dawramejt għalquni,

imma jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

62F’nofs il-lejl inqum infaħħrek

minħabba d-digrieti ġusti tiegħek.

63Nissieħeb ma’ kull min għandu l-biża’ tiegħek,

ma’ dawk li jħarsu l-preċetti tiegħek.

64Mimlija, Mulej, l-art bit-tjieba tiegħek;

għallimni l-kmandamenti tiegħek.Tet

65Ġid għamilt mal-qaddej tiegħek,

Mulej, skont il-kelma tiegħek.

66Fehma tajba u għerf għallimni,

għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.

67Qabel ma għakkistni, jien kont fl-iżball;

imma issa nħares il-kelma tiegħek.

68Twajjeb int, u l-ġid tagħmel;

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

69Jixluni l-kburin bil-gideb;

imma jien b’qalbi kollha nħares il-preċetti tiegħek.

70Smina bil-ħażen bħax-xaħam qalbhom;

imma jien bil-liġi tiegħek nitgħaxxaq.

71Swieli ta’ ġid li għakkistni,

għax tgħallimt il-kmandamenti tiegħek.

72Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok

mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda.

Jod

73Idejk għamluni u sawruni;

fehemni u għallimni l-kmandamenti tiegħek.

74Jarani u jifraħ min għandu l-biża’ tiegħek,

għax jiena ttamajt fil-kelma tiegħek.

75Jien naf, Mulej, li ġusti d-digrieti tiegħek;

u li skont is-sewwa għakkistni.

76Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,

skont il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,

77Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;

għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi.

78Jistħu l-kburin, li bil-qerq jaħqruni;

imma jien naħseb fil-preċetti tiegħek.

79Ħa jduru lejja dawk li jibżgħu minnek,

dawk li jagħrfu l-preċetti tiegħek.

80Tkun qalbi bla ħtija fil-kmandamenti tiegħek,

biex ma jkollix għax nistħi.

Kaf

81Ninfena bix-xewqa tas-salvazzjoni tiegħek;

jien nittama fil-kelma tiegħek.

82Għejew għajnejja jistennew il-wegħda tiegħek;

u jien nistaqsi: “Meta se tfarraġni?”

83Sirt qisni ġild imnixxef fid-duħħan;

imma ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.

84Kemm se jdum jistenna l-qaddej tiegħek?

Meta se tagħmel ħaqq minn dawk li jħabbtuni?

85Ħaffru l-kburin ħofra għalija,

dawk li ma jimxux skont il-liġi tiegħek.

86Sewwa huma l-kmandamenti tiegħek kollha;

għinni int, meta bil-qerq iħabbtuni.

87Għal ftit ma qerdunix minn din l-art;

imma jien ma ħallejtx il-preċetti tiegħek.

88Fit-tjieba tiegħek agħtini l-ħajja;

u jiena nħares il-preċetti ta’ fommok.

Lamed

89Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek;

hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet.

90Minn nisel għal nisel il-fedeltà tiegħek;

fuq l-art waqqaftha, u żammet fis-sod.

91B’digriet tiegħek għadhom sħaħ sa llum;

għax kollox hu għall-qadi tiegħek.

92Li ma sibtx l-hena fil-liġi tiegħek,

kont nintemm fin-niket tiegħi.

93Ma ninsa qatt il-preċetti tiegħek,

għax bihom int tagħtini l-ħajja.

94Tiegħek jien; salvani int!

Jiena nfittex il-preċetti tiegħek.

95Jgħassuli l-ħżiena biex jeqirduni;

imma jien ħsiebi fil-preċetti tiegħek.

96Jien rajt it-tmiem ta’ kulma jgħaddi;

imma bla tarf il-kmandamenti tiegħek.

Mem

97Kemm inħobbha l-liġi tiegħek!

Il-jum kollu ħsiebi fiha.

98Il-kmandament tiegħek għal dejjem miegħi,

jagħmilni egħref mill-għedewwa tiegħi.

99Jien nifhem aktar mill-imgħallmin tiegħi kollha,

għax ħsiebi fil-kmandamenti tiegħek.

100Aktar mix-xjuħ jien bil-għaqal,

għax inħares il-preċetti tiegħek.

101Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja,

biex inħares il-kelma tiegħek.

102Mid-digrieti tiegħek qatt ma nitbiegħed,

għax int kont li għallimthomli.

103Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek!

Oħla mill-għasel għal fommi.

104Jien ksibt id-dehen bil-preċetti tiegħek;

għalhekk nobgħod kull triq qarrieqa.

Nun

105Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek,

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

106Ħlift, u rrid inżomm kelmti,

li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.

107Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej;

agħtini l-ħajja skont il-kelma tiegħek.

108Ilqa’, Mulej, il-qima ta’ fommi,

u għallimni d-digrieti tiegħek.

109Ħajti dejjem fit-tiġrif,

imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek.

110Il-ħżiena nasbuli x-xibka,

imma jien ma warrabtx mill-preċetti tiegħek.

111Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem;

huma l-għaxqa ta’ qalbi.

112Inħajjar ’il qalbi biex tħares il-kmandamenti tiegħek,

għal dejjem u sal-aħħar.

Samek

113In-nies ta’ żewġt iqlub nobgħodhom;

imma l-liġi tiegħek inħobbha.

114Inti l-kenn u t-tarka tiegħi;

fil-kelma tiegħek jien nittama.

115Tbiegħdu minni, intom nies ħżiena,

biex inħares il-kmandamenti ta’ Alla tiegħi.

116Żommni skont il-wegħda tiegħek,

biex nibqa’ ħaj; tħallix bla temma t-tama tiegħi.

117Għinni int, u jiena nsalva;

u ħsiebi jkun dejjem fil-kmandamenti tiegħek.

118Int tistmell ’il kull min jitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek,

għax qarrieqa l-fehma tagħhom.

119Bħal skart għalik il-ħżiena tal-art;

għalhekk inħobb il-preċetti tiegħek.

120Jitkexkex ġismi bil-biża’ tiegħek;

mid-digrieti tiegħek nibża’.Għajn

121Jien għamilt il-ħaqq u s-sewwa;

titlaqnix f’idejn dawk li jaħqruni.

122Serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid;

tħallix li l-kburin jgħakksuni.

123Għejew għajnejja jistennew is-salvazzjoni tiegħek,

u l-wegħda tal-ġustizzja tiegħek.

124Imxi mal-qaddej tiegħek skont it-tjieba tiegħek,

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

125Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen,

biex nagħraf il-preċetti tiegħek.

126Issa l-waqt li tindaħal, Mulej,

għax kisru l-liġi tiegħek.

127Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek,

aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.

128Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek,

u nobgħod kull triq qarrieqa.

Pe

129Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,

għalhekk tħarishom qalbi.

130It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,

ifiehem lil min ma jafx.

131Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ,

għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek.

132Dur lejja u ħenn għalija,

kif dejjem tagħmel ma’ min iħobb ’l ismek.

133Żomm sħiħ il-mixi tiegħi skont il-wegħda tiegħek,

u ebda deni ma jaħkem fuqi.

134Eħlisni mill-moħqrija tal-bniedem,

u nħares il-preċetti tiegħek.

135Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

136Id-dmugħ bħal wied iġelben minn għajnejja,

għax ma jħarsux il-bnedmin il-liġi tiegħek.Sade

137Ġust int, Mulej;

u sewwa d-digrieti tiegħek.

138Bil-ġustizzja għamilt il-preċetti tiegħek,

u b’fedeltà mill-akbar.

139Tifnini l-ħeġġa tiegħi,

għax insew kelmtek l-għedewwa tiegħi.

140Il-wegħda tiegħek jien ippruvajtha;

għalhekk iħobbha l-qaddej tiegħek.

141Għalkemm jien żgħir u mżeblaħ,

ma ninsiex il-preċetti tiegħek.

142Ġustizzja ta’ dejjem hi l-ġustizzja tiegħek,

u sewwa l-liġi tiegħek.

143Għalkemm id-diqa u n-niket waqgħu fuqi,

il-kmandamenti tiegħek baqgħu l-għaxqa tiegħi.

144Ġustizzja ta’ dejjem il-preċetti tiegħek;

agħtini d-dehen biex ikolli l-ħajja.

Qof

145B’qalbi kollha ngħajjatlek; weġibni, Mulej;

irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

146Lilek insejjaħ: salvani int;

u nħares il-preċetti tiegħek.

147Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna;

u fi kliemek jien nittama.

148B’għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl,

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

149Isma’ leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek;

u żommni ħaj skont id-digrieti tiegħek.

150Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen,

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

151Imm’inti ħdejja, Mulej;

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

152Jien ili naf mill-preċetti tiegħek

li għal dejjem int waqqafthom.

Rex

153Ħares lejn in-niket tiegħi, u eħlisni,

għax jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

154Iddefendi l-kawża tiegħi, u ifdini;

agħtini l-ħajja skont il-wegħda tiegħek.

155’Il bogħod mill-ħżiena s-salvazzjoni,

għax ma jfittxux il-kmandamenti tiegħek.

156Kbira l-ħniena tiegħek, Mulej;

agħtini l-ħajja skont id-digrieti tiegħek.

157Ħafna li jagħmlu għalija u jħabbtuni;

imma jien ma nitbigħedx mill-preċetti tiegħek.

158Nara ’l dawk li ħallewk u nistkerrahhom,

għax ma jħarsux il-kelma tiegħek.

159Ara, kif inħobb il-preċetti tiegħek, Mulej;

agħtini l-ħajja skont it-tjieba tiegħek.

160Is-sewwa tiegħek il-qofol ta’ kelmtek;

għal dejjem id-digrieti tal-ġustizzja tiegħek.

Sin

161Il-kbarat għal xejn b’xejn jagħmlu għalija,

imma minn kelmtek tibża’ qalbi.

162Ferħan jien minħabba l-wegħda tiegħek,

bħal min isib xi priża kbira.

163Il-qerq nobogħdu u nistkerrhu,

imma l-liġi tiegħek inħobbha.

164Seba’ darbiet kull jum infaħħrek

għad-digrieti ġusti tiegħek.

165Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek;

ma hemm ebda tfixkil għalihom.

166Nistenna s-salvazzjoni tiegħek, Mulej;

u nħares il-kmandamenti tiegħek.

167Ruħi tħares il-preċetti tiegħek;

u jiena nħobbhom ħafna.

168Inħares il-preċetti u l-kmandamenti tiegħek;

quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha.Taw

169Ħa tasal quddiemek, Mulej, l-għajta tiegħi;

agħtini d-dehen skont il-kelma tiegħek.

170Ħa jasal quddiemek it-tħannin tiegħi;

eħlisni skont il-wegħda tiegħek.

171Jinfexxu xufftejja fit-tifħir tiegħek,

għax int tgħallimni l-kmandamenti tiegħek.

172Ixandar ilsieni l-wegħda tiegħek,

għax kollha ġusti l-kmandamenti tiegħek.

173Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi,

għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.

174Jien nixtieq is-salvazzjoni tiegħek, Mulej;

il-liġi tiegħek hija l-għaxqa tiegħi.

175Ħa nibqa’ ħaj, biex infaħħrek!

Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi!

176Jien ħriġt mit-triq bħal nagħġa mitlufa; fittex il-qaddej tiegħek,

għax jien ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help