ISAIJA 61 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 61Il-bxara t-tajba għal Sijon

1L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,

għax il-Mulej ikkonsagrani,

biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

bagħatni ndewwi l-qalb miksura;

biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;

2biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej,

u jum il-vendetta ta’ Alla tagħna;

biex infarraġ lill-imnikktin;

3biex inferraħ lil dawk li jibku f’Sijon,

nagħtihom kuruna flok irmied,

żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu,

l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa.

Isejħulhom ballut tas-sewwa,

imħawla mill-Mulej għal foħritu.”

4Mill-ġdid għad jibnu l-ħerbiet tal-qedem,

itellgħu t-tiġrif tal-imgħoddi,

iġeddu l-bliet imġarrfa, meqruda minn żmien twil.

5Ikun hemm il-barranin li jirgħu l-imrieħel tagħkom,

ulied il-frustiera jaħdmulkom ir-raba’,

u jeħdulkom ħsieb id-dwieli.

6Lilkom isejħulkom: ‘Il-Qassisin tal-Mulej’,

‘Qaddejja ta’ Alla tagħna’ isemmukom.

Tieklu l-ġid tal-ġnus,

tissebbħu bil-glorja tagħhom.

7Għaliex id-doppju kien l-għajb tagħhom;

mistħija u żebliħ kien sehemhom.

Għalhekk id-doppju jirtu f’arthom,

u jkollhom hena bla tmiem.

8Jien hu l-Mulej, li nħobb id-dritt,

u nobgħod il-ħell u l-qerq.

U jien bis-sewwa nħallashom,

u nagħmel magħhom patt għal dejjem.

9Nisilhom ikun magħruf fost il-ġnus,

u wliedhom qalb il-popli.

Kull min jarahom jagħrafhom

li huma nisel imbierek mill-Mulej.

10Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,

taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.

Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,

bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,

bħal għarus imżejjen b’kuruna,

bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

11Bħalma l-art tnibbet,

bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,

hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija,

quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help