PROVERBJI Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebDan il-ktieb hu ġabra ta’ għerf antik ta’ Iżrael; kliem li jgħallem lill-poplu kif jgħix tajjeb skont il-Liġi ta’ Alla. Ħafna minn dawn il-kliem ta’ għerf isibu l-għajn tagħhom f’Salamun, oħrajn huma attribwiti lil Agur (30,1) u oħrajn lis-Sultan Lamuwel (31,1).L-istess bħas-salmi, il-proverbji huma kollha miktuba f’forma poetika. Il-proverbju tipiku hu miktub f’vers qasir bl-ewwel parti tipproklama t-tema u fit-tieni parti hemm l-eku tagħha. Huma stqarrijiet ta’ qawwa kbira miġbura fi ftit kliem, u għalhekk iħallu impatt kbir. Huma faċli biex tiftakarhom u allura jistgħu daqstant faċilment jiġu applikati fil-ħajja ta’ kuljum.Il-ktieb tal-proverbji jgħallimna li l-għerf kollu ġej minn Alla, anzi hu rigal ta’ Alla lill-bniedem. Dan l-għerf jgħinna billi jipprovdilna pariri prattiċi għall-ħajja ta’ kuljum, fl-ambjenti kollha li nistgħu nsibu ruħna fihom. Xi wħud mis-suġġetti ttrattati fil-proverbji huma: id-dar, il-politika, l-iskola, il-ġustizzja, ix-xogħol, il-fqar u dawk fil-bżonn.Il-proverbji huma aktarx ħsieb ta’ vers jew tnejn u allura ħafna minnhom m’hemmx konnessjoni bejniethom. Kultant, iżda, hemm partijiet mill-ktieb li fihom ġabra ta’ proverbji mibnija madwar tema. Per eżempju kapitli 8 u 9 jpinġu l-Għerf bħala mara li twissi l-poplu biex idur mill-bluha tiegħu u jħaddem moħħu.Isimgħu t-tagħlim u tiksbu l-għerf,U twarrbux it-tagħlim.Hieni l-bniedem li jismagħni,U jishar kuljum wara biebi,Li jgħasses kuljum mal-għatba ta’ biebi;Għax min isib lili jsib il-ħajja,U jikseb l-imħabba tal-Mulej (8,33-35).It-taqsim tal-ktiebTifħir lill-għerf (1,1—9,18)Il-proverbji ta’ Salamun (10,1—29,27)Kliem Agur (30,1-33)Proverbji diversi (31,1-31)