ISAIJA 32 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 32Is-sultan ġust

1Araw, sultan għad isaltan bil-ġustizzja,

u prinċpijiet jaħkmu bis-sewwa.

2U kull wieħed ikun bħal ilqugħ għar-riħ,

u kenn fit-tempesta,

bħal swieqi tal-ilma f’art niexfa,

bħal dell ta’ blata kbira fuq art imħeddla.

3Ma jitgħammxux għajnejn dawk li jaraw,

u jinfetħu widnejn dawk li jisimgħu.

4L-imħuħ imħawda jfittxu l-għerf

u lsien it-temtiema jinħall u jeħfief.

5Lill-bniedem iblah ma jsejħulux aktar nobbli,

u l-imbruljun anqas ma jgħidulu galantom.

6Għax l-iblah il-bluha jitkellem, u moħħu jfassal il-ħsara,

biex jagħmel il-ħażen;

u jitkellem mgħawweġ kontra l-Mulej,

biex imbagħad iħalli għar-riq griżmejn l-imġewwaħ,

u lill-għatxan jiċħadlu x-xorb.

7Għodod l-imbruljun kollha ħżiena;

jinseġ il-qerq,

biex jeqred iż-żgħar bi kliem giddieb

imqar meta l-kawża tal-fqir tkun ġusta.

8Imma min hu nobbli jaħseb ħwejjeġ nobbli;

u jindaħal dejjem għal ħwejjeġ kbar.

Twiddiba għan-nisa ta’ Ġerusalemm

9O nisa bla ħsieb, qumu u isimgħu leħni!

O xbejbiet moħħkom mistrieħ, agħtu widen għal kliemi!

10Fi ftit jiem aktar minn sena għad titkexkxu,

intom li moħħkom mistrieħ iżżejjed,

għax jonqos l-għasir,

il-ġabra tal-ħsad ma tasal qatt.

11Triegħdu, intom nisa bla ħsieb,

tkexkxu intom b’moħħkom mistrieħ.

Inżgħu u nkixfu, ħażżmu xkora ma’ qaddkom,

12ħabbtu fuq sidirkom,

għar-raba’ sabiħ,

għad-dielja għammiela,

13għal art il-poplu tiegħi

mimlija xewk u għollieq,

għad-djar kollha tal-pjaċir,

għall-belt ferrieħa.

14Iva, il-palazz għad jitilquh,

l-għagħa tal-belt jintemm,

l-għolja ta’ Ofel u t-torri ta’ Baħan

jisfgħu għerien għal dejjem,

l-għaxqa tal-ħmir selvaġġi,

mergħa għall-imrieħel.

15Imbagħad jissawwab fuqna spirtu mill-għoli,

u d-deżert jinbidel f’art għammiela,

u l-art għammiela ssir foresta.

16U tistrieħ il-ġustizzja fid-deżert,

u s-sewwa jgħammar f’art għammiela.

17Is-sliem ikun frott il-ġustizzja,

u l-ħidma tal-ġustizzja tkun serħan u tama għal dejjem.

18U l-poplu tiegħi f’post tas-sliem,

jgħammar bla biża’, mistrieħ fil-kwiet.

19U l-foresta taqa’ u tiġġarraf,

u l-belt titniżżel sa isfel nett.

20Henjin intom, li tiżirgħu ħdejn kull ilma,

u tħollu riġlejn il-gendus u l-ħmar.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help