1Il-Mulej kellem lil Ġob u qallu:
2“Bi ħsiebu jċediha min qabad kawża ma’ Xaddaj?
Ħa jwieġeb, mela, dak li għandu xi jgħid f’Alla!”
3Ġob wieġeb lill-Mulej u qallu:
4“X’nista’ nwieġeb jien li ma niswiex karfa?
Ikolli nqiegħed idi fuq ħalqi!
5Darba tkellimt u ma nerġax;
darbtejn, u ma nissuktax.”
6U l-Mulej wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta:
7“Ħażżem ġenbejk bħal wieħed qawwi,
ħa nsaqsik u int għallimni.
8Trid int twaqqa’ s-sentenza tiegħi,
tagħti tort lili biex tieħu raġun int?
9Għandek inti driegħ bħal ta’ Alla?
Tista’ theżżeż b’leħen bħal tiegħu?
10Iżżejjen, mela, bil-kobor u l-foħrija,
ilbes is-sebħ u l-ġmiel;
11sawwab il-fawra tal-qilla tiegħek,
ħares lejn kull kburi u waqqgħu,
12ħares lejn kull kburi u baxxih,
kexkex bid-dija tiegħek il-ħżiena,
13idfinhom fit-trab flimkien,
għammdilhom wiċċhom fil-qabar,
14imbagħad jiena stess infaħħrek,
talli rebbħitek il-leminija tiegħek.
15Ħares issa lejn l-ippopotamu
li jien ħlaqt bħalma ħlaqt lilek;
ħaxix jiekol dak bħall-baqar.
16Iżda x’saħħa għandu f’ġenbejh!
Fil-muskoli ta’ żaqqu l-qawwa tiegħu.
17Denbu iebes daqs iċ-ċedru,
l-għeruq ta’ kuxxtejh mibruma.
18Għadmu kanen tal-bronż,
u l-kustilji vireg tal-ħadid.
19Hu l-aqwa fost l-opri ta’ Alla,
min għamlu biss jista’ għalih;
20l-għoljiet iġibulu l-għelejjel tagħhom,
hemm jitliegħbu l-bhejjem selvaġġi.
21Hu jimtedd taħt is-siġar tas-seder,
jinħeba qalb il-qasab u fl-għadajjar.
22Ikollu d-dell mill-weraq tas-seder,
u ż-żafżâf tal-wied idur miegħu.
23Jekk tfur ix-xmara ma jinstaramx,
lanqas jekk jogħla sax-xifer il-Ġordan.
24Min sa jaqbdu minn għajnejh,
u min jigganġah minn imnieħru?
25Xi ngħidu mbagħad għall-kukkudrill?
Se taqbdu inti b’sunnara,
jew torbotlu b’ħabel ilsienu?
26Se tgħaddilu lenza minn imnieħru,
jew tinfidlu b’ġanċ ix-xedaq?
27Se joqgħod jittallab ħniena mingħandek,
jew ifissdek bi kliem mieles?
28Taħseb int li jintrabat miegħek,
biex joqgħodlok b’qaddej għal dejjem?
29Se tilgħab bih bħal għasfur,
u torbtu għall-bniet iż-żgħar tiegħek.
30Se jiftiehmu fuq prezzu s-sajjieda,
u jitqassam lill-bejjiegħa?
31Timlielu int bil-vleġeġ ġildu,
jew rasu bil-foxxni?
32Ipprova midd idek fuqu;
tibqa’ tiftakar it-taqtigħa,
u darb’oħra ma terġax.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.