1“Taf int meta jferrgħu l-mogħoż tal-muntanji?
Qatt rajt iċ-ċriev waqt il-ħlas tagħhom?
2Tgħodd int ix-xhur tat-tqala tagħhom,
u tkun taf xħin għandhom jeħilsu?
3Huma jinżlu kokka u jferrgħu l-boton,
u jerħu fix-xagħri l-frieħ tagħhom.
4Meta jissaħħu l-frieħ u jikbru,
jitilqu u ma jiġux lura lejhom.
5Min telaq ħieles lill-ħmar selvaġġ?
Min qatagħlu l-irbit tiegħu?
6Kont jien li tajtu d-deżert b’daru,
u l-art selvaġġa b’għamara tiegħu.
7Hu jistmerr il-ħsejjes tal-belt,
u ma jridx jisma’ ordnijiet tas-sewwieq.
8Idur fuq l-għoljiet għall-mergħa tiegħu,
ifittex kull roqgħa ta’ ħdura.
9Irid jewwilla l-gendus selvaġġ jaħdimlek,
jew jgħaddi l-lejl ħdejn il-maxtura tiegħek?
10Torbotlu inti ħabel m’għonqu,
u żżommu jxattab ir-raddi warajk?
11Tafdah int għax b’saħħtu ħafna,
u terħi lilu x-xogħol iebes tiegħek?
12Temmen int li jiġik lura
biex jidres il-qamħ fuq il-qiegħa tiegħek?
13Ġewnaħ in-nagħma jħabbat bil-qawwa,
iżda n-nagħma bħall-għarnuq ma ttirx.
14Meta titlaq fuq l-art il-bajd tagħha,
u tħallihom jisħnu fit-trab,
15ma jiġix f’moħħha li xi riġel jista’ jgħaffiġhom,
jew tirfishom xi bhima selvaġġa.
16Twebbes qalbha għal frieħha, qishom mhumiex tagħha,
ma tinkeddx jekk jisfa fix-xejn ix-xogħol tagħha.
17Dan għax Alla ċaħħadha mill-għerf,
u ma taha l-ebda sehem fid-dehen.
18Iżda xħin tagħti s-salt u tirranka,
tisfida liż-żiemel u r-rikkieb.
19Tagħti int liż-żiemel is-saħħa,
jew tlibbislu għonqu bix-xuxa?
20Iġġagħlu inti jaqbeż bħall-ġrad,
hu li jbeżżgħek xħin jiżher u jonfor?
21Kollu ferħan iħabbat bil-qawwa nagħlu,
u joħroġ b’saħħa għal quddiem l-armi.
22Jisfida l-periklu, ma jitwerwirx,
lanqas jinqata’ quddiem is-sejf.
23Fuq dahru ċċekċek il-barżakka,
tleqq il-lanza u x-xabla magħha.
24Bil-ħeġġa u l-leblieba t-triq jiblagħha,
ma jibqax sabar fih kif jisma’ t-tromba.
25Għal kull żarżira jiżher waħda,
ixomm mill-bogħod it-taqbida,
it-tħambiq tal-fizzjali u l-għajjat ta’ gwerra.
26Jaqaw għallimtu int jittajjar is-seqer,
u jifrex ġwenħajh lejn in-Nofsinhar?
27U l-ajkla b’ordni tiegħek li titla’ fl-għoli,
u tagħmel hemm fuq nett il-bejta tagħha?
28Fuq l-irdum hi toqgħod u tgħaddi l-lejl,
fuq il-qċaċet il-fortizza tagħha.
29Minn hemm fuq tgħarrex għall-priża,
jarawha mill-bogħod għajnejha.
30Il-frieħ tagħha jsoffu d-demm,
fejn ikunu l-maqtulin hemm tkun hi.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.