BIN SIRAK 42 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 42

1M’għandekx tistħi minn dan li ġej,

u tħarisx lejn l-uċuħ għax tidneb:

2tistħix mil-Liġi u l-patt tal-Għoli,

tistħix mill-kundanna b’ġustizzja mal-ħażin;

3tistħix tagħmel il-kontijiet ma’ sieħbek jew ma’ min jimxi miegħek fit-triq,

u tqassam il-wirt lill-oħrajn;

4li tkun tal-qjies fl-użin u l-piż,

u li tagħmel ħafna jew ftit qligħ,

5u li taqla’ min-negozju ma’ bejjiegħ;

li tkun iebes fit-trobbija ta’ wliedek;

u li ssawwat bl-aħrax ġenb il-qaddej ħażin;

6li taqfel ġewwa l-mara ħażina,

u ssakkar fejn hemm ħafna idejn.

7Dak li terfa’, ara li jkun bl-għadd u l-piż;

u f’dak li toħroġ u ddaħħal, ħalli kollox bil-kitba.

8Tistħix twissi lil min hu iblah u bla moħħ,

jew lil xiħ għakka li jitlewwem ma’ żagħżugħ.

Hekk turi li int imrobbi sewwa,

u tintlaqa’ tajjeb minn kulħadd.Il-ħsieb tal-missier dwar bintu

9Bint iżżomm lil missierha mqajjem bla ma tintebaħ,

u l-inkwiet tagħha jtajjarlu n-ngħas;

f’żgħożitha, li ma tmurx ma tiżżewiġx,

u fiż-żwieġ tagħha, li ma tmurx tinbagħad,

10fi xbubitha, li ma tmurx tittiefes,

u toħroġ tqila f’dar missierha;

meta għandha r-raġel, li ma tmurx tibdlu,

u meta hi miżżewġa, li tibqa’ bla tfal.

11Agħmel għassa sewwa fuq tifla rasha iebsa,

li ma tmurx iddaħħak l-għedewwa tiegħek bik,

iġġibek f’ilsien il-belt kollha

jew tagħmlek l-għajdut tan-nies,

u ġġagħlek tistħi quddiem kotra kbira.

12Tħallihiex tikxef ġmielha lil ebda raġel,

u lanqas tpaċpaċ qalb in-nisa.

13Għax mill-ħwejjeġ toħroġ il-kamla,

u minn mara l-ħażen ta’ mara.

14Aħjar ħżunit raġel minn mara li tagħmel it-tajjeb;

hi l-mara li ġġib fuqek mistħija u għajb.Sebħ Alla fin-natura

15Sa nfakkar issa l-għemejjel tal-Mulej,

u nitkellem fuq dak li rajt.

Bi kliem il-Mulej saru l-għemejjel tiegħu.

16Ix-xemx iddawwal hi u tħares fuq kollox;

hekk b’sebħ il-Mulej hu mimli xogħlu.

17Lanqas lill-qaddisin tiegħu ma ta l-Mulej is-setgħa,

li jgħoddu u jfissru għeġubijietu,

dak li għamel il-Mulej li jista’ kollox

biex il-ħolqien kollu jkun fis-sod fil-glorja tiegħu.

18Jifli l-abbissi u qlub il-bnedmin,

u jagħraf it-triqat imwiegħra tagħhom,

għax Alla l-għoli jagħraf kulma jista’ jingħaraf,

u jħares lejn is-sinjali taż-żmien.

19Iħabbar dak li għadda u dak li għad ikun,

u jikxef triqat il-ħwejjeġ mistura.

20Ma jaħrablu l-ebda ħsieb,

u lanqas kelma waħda mhi moħbija minnu.

21Qassam bl-ordni l-opri l-kbar ta’ għerfu,

u hu minn dejjem u għal dejjem.

Xejn ma jiżdiedlu u lanqas jitnaqqaslu,

u ma jeħtieġ il-parir ta’ ħadd.

22X’għaxqa fihom l-għemejjel tiegħu kollha!

U minnhom ma tidhirx ħlief xrara!

23Kollha jgħixu u jibqgħu għal dejjem,

kollha meħtieġa, u kollha jisimgħu minnu.

24Kollox tnejn tnejn, wieħed il-maqlub tal-ieħor,

u m’għamel xejn bin-nieqes.

25B’wieħed isaħħaħ it-tajjeb tal-ieħor,

u min se jixba’ jħares lejn sebħu?

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help