1Wara li s-sultan Astijaġi mar jingħaqad ma’ missirijietu, Ċiru tal-Persja sar sultan warajh.
2Danjel kien joqgħod għand is-sultan li kien iġibu ħafna, aktar minn ħbiebu l-oħra lkoll.
3Issa n-nies ta’ Babilonja kellhom idolu, jismu Bel, u kuljum kienu jixtrulu tnejn u tletin tomna dqiq mill-aħjar, erbgħin nagħġa, u ħamsin gallun inbid.Is 46,1.
4Is-sultan ukoll kien jagħtih il-ġieħ u kuljum kien imur jadurah. Danjel, iżda, kien iqim lil Alla tiegħu.
5U s-sultan qallu: “Dan l-għala ma tqimux lil Bel?” Danjel wieġbu: “Għax jiena ma nagħtix ġieħ lill-idoli maħduma b’idejn il-bnedmin, imma lil Alla l-ħaj, li għamel is-sema u l-art u jaħkem fuq il-bnedmin kollha.”S 115,4.
6Imma s-sultan qallu: “Mela inti taħseb li Bel mhuwiex alla ħaj? Ma tarax kemm jiekol u jixrob kuljum?”
7Danjel qabad jidħak, u qallu: “Titqarraqx, sultan! Bel mhuwiex ħlief tafal minn ġewwa u bronż minn barra; dak la qatt kiel u lanqas xorob!”
8Is-sultan inkorla; sejjaħ lill-qassisin ta’ Bel u qalilhom: “Jekk ma tgħidulix min qiegħed jiekol dawn il-ħwejjeġ kollha, tieħdu l-mewt;
9imma jekk tagħtuni prova li qiegħed jikolhom Bel, il-mewt jeħodha Danjel, għax ikun dagħa kontrih.” U Danjel qal lis-sultan: “Ħa jsir kif għedt int.”
10Il-qassisin ta’ Bel kienu sebgħin, barra n-nisa tagħhom u wliedhom. U s-sultan mar fit-tempju ta’ Bel flimkien ma’ Danjel.
11Il-qassisin ta’ Bel qalulu: “Ara, sultan, aħna nitilqu ’l barra minn hawn, u l-ikel ħejjih inti stess, ferragħ l-inbid u qiegħdu f’postu, imbagħad aqfel il-bieb u qiegħed fuqu l-marka tas-siġill tiegħek.
12Għada filgħodu erġa’ ejja, u jekk ma ssibx li Bel kiel kollox, agħtina l-mewt; jekk issib il-kuntrarju, il-mewt jeħodha Danjel, għax ikun gideb fuqna.”
13Huma ma nkwetawx ruħhom, għax taħt il-mejda kienu għamlu mogħdija moħbija u kienu jidħlu minnha biex jaħtfu l-ikel.
14Meta l-qassisin telqu ’l barra, is-sultan ħejja l-ikel lil Bel. Imbagħad Danjel qabbad lill-qaddejja tiegħu biex iġibu l-irmied u jxerrduh mal-art fit-tempju kollu quddiem is-sultan waħdu. Imbagħad ħarġu ’l barra, sakkru l-bieb, qiegħdu fuqu l-marka tas-siġill tas-sultan, u telqu.
15Billejl il-qassisin ġew bħas-soltu, bin-nisa tagħhom u wliedhom, u kielu u xorbu kollox.
16Filgħodu s-sultan qam kmieni, u Danjel ukoll.
17U s-sultan staqsieh: “Danjel, il-marka tas-siġill sħiħa?” “Sħiħa, sultan,” wieġbu Danjel.
18Imbagħad fetħu l-bieb, u minnufih is-sultan ħares lejn il-mejda u b’għajta kbira qal: “Kbir int, Bel! M’hemm ebda qerq fik!”
19Danjel infexx jidħak, żamm lis-sultan biex ma jħallihx jibqa’ dieħel, u qallu: “Ħares daqsxejn lejn l-art u ara tagħrafx ta’ min huma dawn il-marki tas-saqajn!”
20U s-sultan qal: “Qiegħed nara marki tas-saqajn ta’ rġiel u nisa u tfal!”
21Is-sultan inkorla bis-sħiħ; qabad il-qassisin bin-nisa tagħhom u wliedhom, u huma wrewh il-bieb sigriet li s-soltu kienu jidħlu minnu biex jieklu dak li jkun hemm fuq il-mejda.
22Is-sultan tahom il-mewt, u lil Bel telqu f’idejn Danjel; u dan qered lilu u t-tempju tiegħu.
Id-dragun23In-nies ta’ Babilonja kienu jagħtu l-ġieħ ukoll lil dragun kbir li kien hemm fil-belt.
24U s-sultan qal lil Danjel: “Dan ma tistax tiċħad li hu alla ħaj! Adurah mela.”
25Iżda Danjel wieġeb: “Jiena nadura lil Alla Sidi, għax hu Alla l-ħaj.
26U jekk inti, sultan, tagħtini s-setgħa, jiena lil dan id-dragun noqtlu bla sejf u bla bastun.” “Tajjeb,” qallu s-sultan, “qiegħed nagħtik is-setgħa.”
27Danjel ħa qabda qatran, xaħam u xagħar u għalla kollox flimkien fuq in-nar, għamilhom qishom pulpetti, u temagħhom lid-dragun. U d-dragun belagħhom u nfaqa’. “Dan hu li tqim!” qal Danjel.
28In-nies ta’ Babilonja, meta semgħu b’dan, ħadu għalihom ħafna u nkurlaw bis-sħiħ għas-sultan. “Is-sultan qaleb mal-Lhud!” qalu. “Qerdilna lil Bel, qatel id-dragun, u ta l-mewt lill-qassisin!”
29U marru għand is-sultan u qalulu: “Agħtina lil Danjel f’idejna, għax inkella noqtlu lilek u l-familja tiegħek!”
30Is-sultan ra li kienu se jagħmlu għalih bl-ikrah, u għalhekk ħass ruħu mġiegħel u tahom lil Danjel f’idejhom.
31Huma tefgħu lil Danjel fil-ħofra tal-ljuni, u baqa’ hemm sitt ijiem.Dan 6,16.
32F’dik il-ħofra kien hemm seba’ ljuni, u n-nies kienu kuljum jagħtuhom żewġ iġsma u żewġ nagħġiet; imma f’dawn is-sitt ijiem ma tawhomlhomx, ħalli jieklu lil Danjel.
33Fil-Lhudija kien hemm profeta, Ħabakkuk, u dan sajjar xi ħaġa, fettet il-ħobż fi skutella, u kien sejjer bihom l-għalqa biex jagħtihom lill-ħassada.
34Iżda l-anġlu tal-Mulej qallu: “Ħu l-ikel li għandek f’Babilonja lil Danjel fil-ħofra tal-ljuni.”
35“Sidi,” qallu Ħabakkuk, ‘jien lil Babilonja qatt ma rajtha, u l-ħofra ma nafx biha.”
36L-anġlu tal-Mulej qabdu mill-qurriegħa ta’ rasu, refgħu minn xagħru u f’nefħa ta’ nifs qiegħdu f’Babilonja quddiem il-ħofra.Eżek 8,3.
37U Ħabakkuk għajjatlu u qal: “Danjel! Danjel! Ħu l-ikel li Alla bagħatlek.”
38U Danjel qal: “O Alla, ftakart fija, ma tlaqthomx lil dawk li jħobbuk!”
39Imbagħad qam u kiel. U l-anġlu tal-Mulej raġa’ ħa lil Ħabakkuk fejn kien qabel.
40F’għeluq is-sebat ijiem is-sultan ġie jibki lil Danjel. Resaq lejn il-ħofra, ittawwal ’il ġewwa, u hemm kien Danjel, bilqiegħda qalb il-ljuni.
41U s-sultan qabad jgħajjat u jgħid: “Kbir int, Mulej, Alla ta’ Danjel! Ma hemmx Alla ieħor ħliefek!”
42Imbagħad ħareġ lil Danjel mill-ħofra u xeħet fiha lil dawk li fittxew jeqirduh, u l-ljuni belgħuhom minnufih quddiemu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.