ISAIJA 44 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 44Il-Mulej waħdu Alla

1U issa, isma’, Ġakobb il-qaddej tiegħi,

Iżrael, il-maħtur tiegħi.

2Dan jgħid il-Mulej, li għamlek,

dak li sawrek sa mill-ġuf,

l-għajnuna tiegħek.

La tibżax, Ġakobb, il-qaddej tiegħi;

Ġesurun, li jien għażilt.

3Għax jiena nsawwab l-ilma fuq l-art għatxana,

u xmajjar fuq in-niexef;

hekk fuq nislek insawwab l-ispirtu tiegħi,

u l-barka tiegħi fuq uliedek.

4Jinbtu bħal ħaxix f’nofs l-ilma,

bħaż-żafżâf ħdejn l-ilma ġieri.

5Min jgħid: ‘jiena tal-Mulej,’

u l-ieħor jissejjaħ b’isem Ġakobb,

u ieħor jikteb fuq idu: ‘Tal-Mulej,’

u jitlaqqam b’isem Iżrael.”

6Dan jgħid il-Mulej, is-Sultan ta’ Iżrael;

u l-feddej tiegħek, il-Mulej tal-eżerċti:

“Jien l-ewwel u Jiena l-aħħar,

u ħliefi m’hemmx alla ieħor.

7Min hu bħali? Ħa jqum jitkellem,

ħa jxandru u jippruvahuli!

Min qatt mill-qedem ħabbar il-ġejjieni?

Ħa jbassrilna kulma għad isir.

8La tibżgħux, la tinkwetawx:

Ma ħabbartlekx u ma għarraftekx minn qabel?

Intom ix-xhieda tiegħi!

Hemm xi alla ieħor għajri,

jew xi blata oħra ħliefi?

Jekk hemm, ma nafx.Il-bluha tal-allat foloz

9Dawk li jaħdmu l-idoli kollha bla moħħ,

u x-xogħol għażiż għalihom ma jiswa xejn.

Huma stess ix-xhieda: ma jarawx, ma jifhmux,

imisshom jistħu.

10Min hu li jsawwar alla u jfassal xbieha tal-fondut

li ma tiswa għal xejn?

11Araw, sħabu kollha jkollhom jistħu,

in-nies tas-sengħa huma bnedmin.

Ħa jinġabru lkoll u jersqu ’l quddiem,

jitriegħdu u jistħu lkoll flimkien.

12Il-ħaddied jixħet il-ħadid fil-forġa,

jagħtih sura bil-martell,

u jirfinah b’qawwiet driegħu.

Jieħdu l-ġuħ, tonqsu s-saħħa;

u jekk ma jixrobx ilma jħossu mifni.

13Il-mastrudaxxa jiġbed il-ħajt,

u jħożżu bil-ġibs aħmar;

jonqxu bl-iskalpell,

u jkejlu bil-kumpass;

jagħmel xbieha ta’ bniedem,

bħal raġel sabiħ biex jgħammar f’dar.

14Imur jaqta’ l-injam taċ-ċedru,

jieħu xi biċċa tal-ballut jew ruvlu,

li jikber b’saħħtu fil-foresta,

jew iħawwel l-arżnu li x-xita tkabbar.

15Dan kollu jservi l-bniedem għat-tkebbis tan-nar:

biċċa minnu jieħdu għas-sħana,

b’oħra jqabbad il-forn ħa jaħmi l-ħobż,

u l-bqija biex jagħmel xi alla ħa jqimu;

jagħmel xi xbieha u jmil quddiemha.

16Nofsu jaħarqu fin-nar,

u fuq il-ġamar jixwi l-laħam,

u jiekol ix-xiwi u jixba’,

imbagħad jissaħħan u jgħid:

“Issa sħant, qiegħed inħoss in-nar!”

17Mill-fdal imbagħad jagħmel xi alla,

ix-xbieha mnaqqxa tiegħu.

Imil quddiemu u jadurah,

jitolbu u jgħidlu:

“Eħlisni, int alla tiegħi.”

18Dawn in-nies ma jafux u ma jifhmux,

għajnejhom għammdilhom li ma jarawx;

qalbhom għalqilhom li ma tifhimx.

19Ħadd ma jdaħħal f’qalbu;

u la jagħraf u lanqas jifhem,

u jgħid: “B’nofs il-ħatab kebbist in-nar,

fuq il-ġamar ħmejt il-ħobż;

xwejt il-laħam u kilt minnu.

Se nagħmel issa minn fdalu ħaġa mistkerrha,

u ninżel jien inqim iz-zokk ta’ siġra?”

20Bl-irmied jitpaxxa,

qalbu mogħwija tellfitu t-triq;

ma jistax jeħles u jgħid:

“Jaqaw mhix gidba li għandi f’leminti?”

Il-Mulej il-Feddej ta’ Iżrael

21Ftakar f’dan Ġakobb,

int Iżrael, għax int il-qaddej tiegħi!

Jien sawwartek, int il-qaddej tiegħi.

Iżrael, jien ma ninsiek qatt.

22Bħal sħaba neħħejtlek dnubietek,

u bħal ċpar ħtijietek.

Erġa’ lura għal għandi, għax jien fdejtek.

23Għannu, smewwiet,

għax il-Mulej għamel dan;

għajtu bil-ferħ, qigħan l-art.

Infexxu għannu, muntanji,

u l-foresta b’kull siġra fiha.

Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,

u jitfaħħar b’Iżrael.

24Dan jgħid il-Mulej, il-feddej tiegħek,

li sawwartek sa mill-ġuf:

“Jiena hu l-Mulej li għamilt kollox,

waħdi frixt is-smewwiet u meddejt l-art.

U min kien miegħi?

25Jiena hu li nxejjen is-sinjali tas-saħħara;

u noħroġ ta’ boloh il-ħabbarin,

li rraġġa’ lura lill-għorrief,

u għerfhom nagħmlu bluha.

26Jiena hu li nwettaq kliem il-qaddej tiegħi,

u ntemm il-ħsieb li jxandru l-messaġġiera tiegħi.

Jiena hu li ngħid lil Ġerusalemm:

‘Għad jerġgħu jgħammru fik’.

U lill-ibliet ta’ Ġuda:

‘Terġgħu tinbnew’,

u ntella’ mill-ġdid il-ħerbiet tagħha.

27Jiena hu li ngħid lil qiegħ il-baħar:

‘Inxef! U nnixxef ix-xmajjar tiegħek.’

28Jiena hu li ngħid lil Ċiru:

‘Int tkun ir-ragħaj tiegħi,

li jtemm ix-xewqat tiegħi.’

U jgħid għal Ġerusalemm: ‘Ħa tinbena,’

u għat-tempju: ‘Ħa jqiegħdu l-pedament.’”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help