ĠOEL 1 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 1

1Il-kelma tal-Mulej, li ġiet lil Ġoel bin Petwel.

Swied il-qalb għall-qerda tal-pajjiż

2Isimgħu dan, xjuħ,

agħtu widen, intom ilkoll li tgħammru fil-pajjiż!

Ġrat xi ħaġa hekk fi żmienkom,

jew fi żmien missirijietkom?

3Għiduha lil uliedkom,

u wliedkom lil uliedhom,

u wliedhom lin-nisel ta’ warajhom.

4Dak li ħalla l-ġrad qattiegħ,

kielu l-ġrad gerriem.

Dak li ħalla l-ġrad gerriem

kielu l-ġrad qabbież.

Dak li ħalla l-ġrad qabbież

kielu l-ġrad qerried.

5Qumu mir-rqad, ja sakranazzi, u ibku!

Intom li tixorbu l-inbid, newħu lkoll

għall-inbid ġdid, li twarrbilkom minn ma’ fommkom!

6Għaliex għall-pajjiż tiegħi tela’ poplu,

qawwi u bla għadd;

snienu, snien ta’ ljun,

u għandu d-dras ta’ ljunessa.

7Il-qasam tad-dwieli tiegħi għamlu ħerba,

is-siġar tiegħi tat-tin tertaqhom;

qaxqaxhom għalkollox u rmiehom,

il-friegħi tagħhom bjadu.

8Olfoq, kif tagħmel xebba liebsa x-xkejjer,

għall-għarus ta’ żgħożitha!

9L-offerta tal-ikel u tax-xorb inqatgħet

minn dar il-Mulej.

Kollhom niket il-qassisin,

qaddejja tal-Mulej.

10Imħassar ir-raba’,

l-art tbikkik.

Għax inqered il-qamħ,

l-inbid ġdid nixef,

għosfor iż-żejt frisk.

11Infixlu, ħaddiema,

intom li tieħdu ħsieb id-dwieli,

newħu għall-qamħ u x-xgħir,

għax intilef il-ħsad tar-raba’.

12Il-qasam tad-dwieli sfar,

u s-siġar tat-tin dbielu;

is-siġar tar-rummien, tal-palm u tat-tuffieħ,

u s-siġar kollha tar-raba’ nixfu.

Kif għeb il-ferħ minn fost il-bnedmin!Sejħa għall-indiema u għat-talb

13Ilbsu x-xkejjer, qassisin, u olfqu,

ixhru, qaddejja tal-artal!

Ejjew, orqdu bl-ixkejjer fuqkom,

qaddejja ta’ Alla tiegħi!

Għax miżmuma mid-dar ta’ Alla tagħkom

l-offerta tal-ikel u tax-xorb.

14Ordnaw sawma;

sejħu laqgħa mqaddsa;

morru iġbru x-xjuħ,

u n-nies kollha tal-pajjiż

fid-dar tal-Mulej Alla tagħkom.

Għajtu lill-Mulej:

15“Ah, x’jum dan!

Għax fil-qrib Jum il-Mulej,

jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj.”

16Forsi mhux quddiem għajnejna

naqas l-ikel,

l-hena u l-ferħ

mid-dar ta’ Alla tagħna?

17Il-qamħ miżrugħ tħassar

taħt it-tub tiegħu;

il-matmuriet saru ħerba waħda,

l-imħażen tal-qamħ iġġarrfu,

għax il-qamħ nixef.

18X’jokorbu l-bhejjem!

Il-baqar jiġġerrew mifxula,

għax m’għandhomx fejn jirgħu.

Sal-imrieħel tan-nagħaġ u l-mogħoż inqerdu.

19Jien ngħajjat lilek, Mulej!

Għax in-nar qered il-ħdura tar-raba’,

ilsna tan-nar ħarqu s-siġar kollha tal-għelieqi.

20Sal-bhejjem tar-raba’ mxennqin għalik,

għax nixfu n-nixxigħat tal-ilma,

għax in-nar qered il-ħdura tal-kampanja.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help