1Iben bil-għaqal jisma’ tagħlim missieru,
imma l-insolenti ma joqgħodx għaċ-ċanfir.
2Min jagħmel il-ġid bi kliemu, ġid ikollu,
imma ħsieb il-qarrieq iwassal għall-vjolenza.
3Min jgħasses kliemu jħares ħajtu,
min jgħid wisq jiġi fl-għali.
4Ix-xewqa tal-għażżien tibqa’ bla temma,
imma l-beżlin ikollhom bix-xaba’.
5Min hu ġust jobgħod il-gideb,
il-ħażin jiżra’ l-għajb u l-mistħija.
6Min jimxi bis-sewwa jitħares mis-sewwa,
imma l-ħażin bi ħżunitu jiġġarraf.
7Hawn min jagħmilha ta’ għani u m’għandu xejn;
u hawn min jagħmilha ta’ fqir u għandu ħafna.
8L-għani b’ġidu jifdi lilu nnifsu,
imma l-fqir m’għandux biex jinfeda.
9Dawl il-ġust jiddi bil-qawwa,
imma jintefa musbieħ il-ħżiena.
10Min hu moħħu ħafif iġib il-ġlied bi kburitu,
min jieħu l-parir isib l-għerf.
11Il-ġid miksub ta’ malajr, malajr jinħela,
imma min jiġma’ ftit ftit, ikattar ġidu.
12It-tama mtawla tmarrad il-qalb,
imma xewqa maqtugħa hi bħal siġra tal-ħajja.
13Min iwarrab kelma tajba jgħarraq lilu nnifsu,
min iweġġaħ il-kmand ikollu ħlas tajjeb.
14Tagħlim l-għaref hu għajn il-ħajja
għal min irid jeħles mix-xibka tal-mewt.
15Min hu bil-għaqal jirbaħ l-imħabba,
min jimxi bil-qerq jiġġarraf.
16L-għaqli jagħmel kollox bi ħsieb,
imma l-iblah juri fil-beraħ bluhitu.
17Ambaxxatur ħażin jaqla’ l-inkwiet,
messaġġier tajjeb iġib il-kwiet.
18Faqar u għajb fuq min iwarrab it-tagħlim,
imma ġieħ ikollu min jilqa’ t-twiddib.
19Xewqa maqtugħa tferraħ il-qalb;
il-boloh ma jħobbux jitbiegħdu mill-ħażin.
20Min jagħmilha mal-għaref, isir għaref,
min imur mal-boloh, jaqa’ fl-hemm.
21Il-midinbin riżqhom ħażin,
u l-ġusti jitħallsu bil-ġid.
22Ġid it-tajjeb jgħaddi b’wirt għal ulied uliedu,
imma ġid il-midneb jirtuh il-ġusti.
23L-art mhix maħduma tista’ tgħajjex lill-fqir,
imma dan ma jsirx minħabba l-inġustizzja.
24Min iżomm lura l-bastun jobgħod lil ibnu,
imma min iħobbu jieħu ħsieb iwiddbu.
25Il-ġust jiekol u jixba’,
imma l-ħżiena jibqgħu bil-ġuħ.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.