ISAIJA 55 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 55Maħfra għal kulħadd

1“Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;

intom ukoll li m’għandkomx flus.

Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,

inbid u ħalib bla ħlas.

2Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż,

u ġidkom f’dak li ma jxebbax?

Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,

u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.

3Agħtuni widen u ersqu lejja,

isimgħu u tieħdu r-ruħ.

Nagħmel patt magħkom għal dejjem,

biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.

4Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus,

prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.

5Int ġens li ma tafx bih issejjaħ;

ġnus li ma jafukx jiġru lejk,

minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,

il-Qaddis ta’ Iżrael,

għax lilek żejjen bil-ġieħ.

6Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,

sejħulu sakemm hu fil-qrib!

7Ħa jħalli triqtu l-midneb,

u l-bniedem il-ħażin fehmietu;

ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,

għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.

8“Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom,

u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom,

oraklu tal-Mulej.

9Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,

daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,

u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

10Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,

u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,

imma jġegħluha tnissel u tnibbet,

u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżra’ u l-ħobż ’il min jiekol,

11hekk jiġri minn kelmti:

hija toħroġ minn fommi,

u ma terġax lura vojta,

imma tagħmel dak li jogħġob lili,

u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.

12Iva, bil-ferħ għad toħorġu,

u bis-sliem titwasslu.

Quddiemkom f’għajjat ta’ ferħ jinfexxu

l-muntanji u l-għoljiet,

u ċċapċap idejha kull siġra tar-raba’.

13Minflok ix-xewk jitla’ ċ-ċipress,

minflok l-għollieq ir-riħan.

Dan ikun għall-glorja tal-Mulej,

sinjal għal dejjem li ma jitħassar qatt.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help