IL-KTIEB TAL-GĦERF 5 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 5

1Imbagħad il-ġust jieqaf kollu kuraġġ,

quddiem dawk li għakksuh,

u maqdru t-taħbit tiegħu.

2Kif jarawh, jitkexkxu u jitwerwru bil-biża’;

jistagħġbu xħin jarawh salv, kif qatt ma basru.

3Kollhom sogħbiena, jitniehdu bin-niket ta’ qalbhom,

u jgħidu bejniethom:

4“Dan hu dak, li aħna ħadnieh bid-daħk,

u waqqajnieh għaċ-ċajt u żeblaħnieh.

Kemm konna boloh!

Ħajtu ħsibnieha ta’ ġenn,

u bla ġieħ il-mewt tiegħu.

5Kif inhu qiegħed ma’ wlied Alla,

u għandu postu mal-qaddisin?

6Mela aħna ħriġna mit-triq tas-sewwa,

id-dawl tal-ġustizzja ma iddiex għalina,

u x-xemx qatt ma telgħet għalina.

7Għejejna fi triqat il-ħażen u t-telfien,

għaddejna mid-deżert bl-ebda mogħdija;

imma triq il-Mulej ma għarafnihiex.

8Xi switilna l-kburija tagħna?

U x’ħadna mill-għana u l-ftaħir tiegħu?

9Dan kollu bħal dell għadda,

u bħal aħbar li ttir mar-riħ;

10bħal ġifen li jaqsam baħar imqalleb,

u, meta jgħaddi, ma ssib ebda sinjal tiegħu,

u lanqas radda tal-karina tiegħu fl-imwieġ;

11jew bħal għasfur li jittajjar fl-ajru,

ma ssibx il-linja tal-mixja tiegħu;

b’rixu jolqot iż-żiffa ħafifa,

jofroqha u jaqsamha bis-saħħa tal-ġwienaħ qawwija;

imbagħad ma jħalli ebda sinjal mnejn għadda;

12jew bħal meta vleġġa lejn il-bersall tittajjar,

tinferaq l-arja u malajr terġa’ tingħalaq,

u ma tistax tagħraf it-triq mnejn għaddiet.

13Hekk ukoll aħna twelidna u malajr intemmejna,

l-ebda sinjal ta’ virtù ma ħallejna,

fil-ħażen tagħna nqridna.”

14Tassew, it-tama tal-ħżiena bħal trab imtajjar mar-riħ,

bħal borra mkaxkra mir-riefnu,

bħat-tifkira li tgħaddi ta’ mistieden għal jum wieħed.

Il-ħlas tal-ġusti

16Għalhekk jieħdu l-ġmiel tas-slaten,

u l-kuruna sabiħa minn id il-Mulej;

hu jħarishom b’idu l-leminija,

u bi driegħu jkenninhom.

17Jilbes il-kurazza tal-ħeġġa tiegħu,

u jarma l-eżerċtu tal-ħlejjaq kontra l-għedewwa,

18u jqiegħed fuq sidru l-kurazza tal-ġustizzja,

u fuq rasu l-elmu tal-ħaqq bla qerq;

19jieħu t-tarka tal-qdusija li qatt ma tintrebaħ,

20u jsinn is-sejf tal-qilla mgħaddba;

u d-dinja tissieħeb miegħu fil-ġlieda kontra l-boloh.

21Vleġeġ tan-nar joħorġu u jtiru dritti,

mis-sħab bħal minn qaws miġbud sewwa,

għal fuq il-bersall jaħarbu.

22Silġ kollu qilla bħal minn żbandola jitwaddab.

L-imwieġ tal-baħar iqumu għalihom,

u x-xmajjar bla ħniena jkaxkruhom.

23Riħ qawwi jqum kontrihom,

u riefnu bħal tiben itajjarhom.

Hekk iħarbat il-ħażen l-art kollha,

għemil il-ħażen iġarraf it-tronijiet setgħana.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help