SALMI 118 - Maltese Bible with DC

Salm 118Purċissjoni trijonfali

1Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

2Ħa jgħidu wlied Iżrael:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu.”

3Ħa tgħid dar Aron:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu.”

4Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu.”

5Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi;

u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa’.

6La l-Mulej miegħi, m’għandix għax nibża’;

x’jista’ jagħmilli l-bniedem?

7Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi,

u nħares b’wiċċi minn quddiem lejn l-għedewwa tiegħi.

8Aħjar tiskenn fil-Mulej

milli tittama fil-bnedmin.

9Aħjar tiskenn fil-Mulej

milli tittama fil-kbarat.

10Il-ġnus kollha dawruni;

imma f’isem il-Mulej irbaħthom.

11Dawruni, minn kull naħa rassewni;

imma f’isem il-Mulej irbaħthom.

12Bħan-naħal daru miegħi,

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu;

imma f’isem il-Mulej irbaħthom.

13B’saħħithom kollha mbuttawni biex naqa’;

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

14Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej;

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

15Għajjat ta’ ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin:

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!

16Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.

17Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

18Ħaqarni tassew il-Mulej,

iżda ma telaqnix għall-mewt.

19Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja;

ħa nidħol minnhom u rrodd ħajr lill-Mulej.

20Dan hu bieb il-Mulej;

il-ġusti jidħlu minnu.

21Niżżik ħajr talli weġibtni

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

22Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

23Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.

24Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

25Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana!

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

26Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!

Inberkukom minn dar il-Mulej.

27Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna.

Tqassmu f’purċissjoni bil-friegħi f’idejkom

sa ħdejn l-artal.

28Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr;

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

29Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help