1Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti tal-korda. Salm ta’ Asaf. Għanja.
2Magħruf hu Alla f’Ġuda,
kbir hu ismu f’Iżrael.
3F’Salem hemm l-għarix tiegħu,
u l-għamara tiegħu f’Sijon.
4Hemm hu kisser il-vleġeġ tal-ark,
it-tarka, is-sejf u l-armi tal-gwerra.
5Int kollok dija u glorja,
aktar mill-aqwa muntanji.
6L-irġiel ta’ qalbhom qawwija
tilfu l-priża tagħhom;
il-gwerriera qalbiena waqgħu f’raqda,
idejhom tmewtulhom.
7Għall-għajta tiegħek, Alla ta’ Ġakobb,
f’ħedla jaqgħu r-rikkieba u ż-żwiemel.
8Tal-biża’ int; int, min jiqaflek,
meta tqum fuq tiegħek, Mulej?
9Mis-smewwiet semmajt il-ħaqq tiegħek;
twerwret l-art u tbikkmet,
10meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq,
biex isalva l-imsejkna kollha tal-art.
11Imqar fil-korla tiegħek il-bnedmin ifaħħruk;
u kull min jeħles mill-għadab tiegħek ifaħħrek.
12Wiegħdu u roddu lill-Mulej, Alla tagħkom;
ta’ madwaru lkoll iġibulu d-doni,
lilu, li hu tal-biża’;
13lil dak li jifni l-kbarat,
u jnissel il-biża’ fis-slaten tal-art.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.