1“Alla ta’ missirijietna, Mulej tal-ħniena,
int li għamilt kollox bil-kelma tiegħek,
2u bl-għerf tiegħek sawwart il-bniedem,
biex isaltan fuq il-ħlejjaq li int għamilt,
3u jmexxi d-dinja bil-qdusija u l-ġustizzja,
u jagħmel il-ħaqq b’qalb safja;
4agħtini l-għerf li qiegħed ħdejn it-tron tiegħek,
u twarrabnix minn fost uliedek;
5għax qaddej tiegħek jien, u bin il-qaddejja tiegħek,
bniedem dgħajjef u għomru qasir,
u tqil biex nifhem il-ġudizzju u l-liġijiet tiegħek.
6Għax, imqar jekk wieħed ikun perfett fost il-bnedmin,
għal xejn ma jiswa mingħajr l-għerf li ġej minnek.
7Int għażiltni sultan tal-poplu tiegħek,
u mħallef ta’ wliedek, subien u bniet.
8Għedtli nibnilek tempju fuq l-għolja qaddisa tiegħek,
u artal fil-belt fejn tgħammar,
fuq il-mudell tat-tabernaklu qaddis li int ħejjejt fil-bidu.
9Miegħek l-għerf, li jaf għemilek,
u miegħek kien, int u toħloq id-dinja.
Hu jifhem x’inhu li jogħġob lilek,
u li jaqbel mal-kmandamenti tiegħek.
10Ibagħtu mis-smewwiet imqaddsa,
għidlu jiġi mit-tron imsebbaħ tiegħek,
biex miegħi jkun jien u naħdem,
u jgħarrafni b’dak li jogħġob lilek.
11Għax l-għerf jaf u jifhem kollox;
hu jmexxini bl-għaqal f’għemili,
u jħarisni bil-glorja tiegħu.
12Hekk int tilqa’ l-għemejjel tiegħi,
u jien niġġudika l-poplu tiegħek sewwa,
u jkun jixraqli tron missieri.
13Għax min jista’ jagħraf ħsieb Alla,
min jista’ jifhem x’irid il-Mulej?
14Beżżiegħa huma ħsibijiet il-bnedmin,
u kull pjan tagħna mhu xejn fiż-żgur;
15għax ruħna mtaqqla b’ġisem li jitħassar,
u għar-ruħ li taħseb hu piż it-tafal li fih tgħammar.
16Bilkemm nistgħu nintebħu x’hemm fuq l-art,
u bit-tbatija nsibu dak li hu taħt għajnejna;
mela min jista’ jitkixxef fuq il-ħwejjeġ tas-sema?
17Min qatt għaraf ir-rieda tiegħek,
jekk int innifsek ma tajtux l-għerf,
u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-ispirtu qaddis tiegħek?
18Hekk saru dritti triqat in-nies tal-art,
hekk tgħallmu l-bnedmin dak li jogħġob lilek,
u salvaw bis-saħħa tal-għerf.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.