1Din hi l-barka li biha bierek Mosè, il-bniedem ta’ Alla, lil ulied Iżrael, qabel ma miet.
2U qalilhom:
“Ġie mis-Sinaj il-Mulej,
u dehrilna minn Xegħir;
idda mill-għolja ta’ Faran,
ġie minn Meribat-kades,
u fuq lemintu ħuġġieġa nar.
3Tassew iħobb il-poplu tiegħu,
il-qaddisin kollha tiegħu f’idejk,
u huma f’riġlejk joqogħdu,
kull wieħed jiġbor kliemek,
4il-liġi li Mosè tana.
Wirtu l-ġemgħa ta’ Ġakobb,
5u hu s-sultan f’Ġesurun,
meta ltaqgħu l-prinċpijiet tal-poplu
flimkien mat-tribujiet ta’ Iżrael.
6Jgħix Ruben u ma jmutx,
imma jkun żgħir fil-għadd.
7U dan qal għal Ġuda:
Isma’, Mulej, leħen Ġuda,
u wasslu għal ma’ niesu,
għalih innifsu b’idejh jiġġieled;
int l-għajnuna kontra l-għedewwa tiegħu.
8U għal Levi qal:
It-Tummim u l-Urim tiegħek,
agħti lill-bniedem ta’ mħabbtek,
li f’Massa int ġarrabt,
u tlewwimt miegħu ħdejn l-ilma ta’ Meriba.
9Li qal għal missieru u ommu; ‘Ma rajthomx’;
u ’l ħutu m’għarafhomx;
u ’l uliedu ma qishomx.
Għax huma ħarsu kliemek,
u żammew il-patt tiegħek.
10Jgħallmu l-preċetti tiegħek lil Ġakobb,
u l-liġi tiegħek lil Iżrael.
Joffru inċens lil imnifsejk,
u s-sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal tiegħek.
11Bierek, Mulej, lil Levi,
u ilqa’ xogħol idejh.
Kisser ġenbejn l-għedewwa tiegħu,
ta’ dawk li jobogħduh, biex ma jqumux.
12Għal Benjamin qal:
Il-maħbub tal-Mulej
jgħammar b’moħħu mistrieħ:
Alla l-għoli dejjem jostru,
u taħt ġwenħajh hu jgħammar.
13U għal Ġużeppi qal:
Il-barka tal-Mulej fuq artu,
bil-ġid mill-għoli tas-smewwiet,
u minn qiegħ l-art mifrux minn taħt,
14bil-ġid tal-frott tax-xemx,
15u bl-aħjar ġid imnibbet bl-oqsma,
u bl-aħjar ġid mill-iġbla tal-qedem,
u bil-frott tal-għoljiet ta’ dejjem,
16bil-ġid tal-art u kulma fiha,
u bl-għaxqa ta’ min jgħammar fl-għollieq.
Ħalli jinżlu l-barkiet fuq ras Ġużeppi,
fuq il-qurriegħa tal-magħżul fost ħutu.
17Il-glorja tiegħu bħal ta’ gendus tal-bikri,
qrunu l-qrun ta’ gendus selvaġġ;
bihom il-popli jidrob,
u jgerrixhom sa truf l-art.
Hekk huma l-eluf ta’ eluf ta’ Efrajm,
hekk huma l-eluf ta’ Manassi.
18U għal Żebulun qal:
Ifraħ Żebulun fi ħruġek,
u int Issakar fl-għerejjex tiegħek.
19Il-popli għal fuq il-muntanja jsejħu,
u hemm joffru sewwa s-sagrifiċċji;
u minn tifwir il-baħar jerdgħu,
u mill-għana moħbi fir-ramel.
20U għal Gad qal:
Imbierek min ikabbar lil Gad!
Bħal iljun jimtedd,
u jqarmeċ id-driegħ u r-ras.
21Xeħet għajnejh fuq l-aħjar tal-art;
Sehem ta’ prinċep kien hemm għalih;
iżda ħareġ l-ewwel mal-kbarat tal-poplu;
u għamel il-ġustizzja tal-Mulej,
u l-ħaqq tiegħu ma’ Iżrael.”
22U għal Dan qal:
Dan ferħ ta’ ljun,
jaqbeż jiġri minn Basan.
23U għal Naftali qal:
Naftali mfawwar bil-favuri;
mimli bil-barka tal-Mulej;
wirtek il-baħar u n-Nofsinhar.
24U għal Aser qal:
Aser, l-aktar imbierek fost l-ulied,
ikun il-maħbub fost ħutu,
u jaħsel riġlejh fiż-żejt.
25Ħadid u bronż l-istaneg tiegħek,
u saħħtek kemm iddum ħaj.
26M’hemmx Alla bħalu,
bħal Alla ta’ Ġesurun,
biex jgħinek;
jaqsam riekeb is-smewwiet,
fuq is-sħab bil-glorja tiegħu.
27Kennek Alla ta’ żmien il-qedem,
b’dirgħajh iwieżnek minn taħt.
Minn quddiemek l-għedewwa jkeċċi,
u lilek jordna u jgħid: ‘Eqridhom’.
28U straħ Iżrael fil-kwiet bla biża’;
u weħidha għaliha għajn Ġakobb,
f’art l-inbid u l-qmuħ,
u n-nida tqattar minn smewwietha.
29Hieni int, ja Iżrael;
min hu bħalek,
poplu li ħelsek il-Mulej?
Hu t-tarka ta’ għajnuntek,
u x-xabla ta’ rebħietek.
U jżiegħlu bik l-għedewwa tiegħek,
int u tirfes fuq għoljiethom.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.