SOFONIJA 3 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 3Kontra l-poplu ta’ Iżrael

1Ħażin għaliha għar-ras iebsa tagħha, għat-tinġis tagħha,

il-belt li taħqar!

2Għas-sejħa ma tatx widen,

lanqas ma qagħdet għat-twiddib li kellha;

hi ma riditx tittama fil-Mulej,

lanqas ma resqet lejn Alla tagħha.

3Il-kbarat tagħha f’nofsha ljuni jgħajtu:

l-imħallfin tagħha lpup ta’ filgħaxija,

li ma jħallux xi jgerrmu sa filgħodu;

4fiergħa l-profeti tagħha, nies qarrieqa;

il-qassisin tagħha s-santwarju jipprofanaw,

u jiksru l-liġi.

5Il-Mulej ġust f’nofsha,

ma jagħmel ebda ħażen;

ta’ kull filgħodu jxandar il-ġustizzja tiegħu,

bħas-sebħ hu ma jonqosx;

imma l-ħażin ma jaf b’ebda mistħija.Il-ġnus jieħdu tagħlima

6“Jiena qaċċatt il-ġnus,

saru l-gardjoli tagħhom ħerba waħda,

ħarbatt it-triqat tagħhom,

bla ħadd ma jgħaddi minnhom;

inqerdu bliethom,

bla ebda ruħ u ħadd ma jgħammar fihom.

7Għedt jiena: ‘Issa żgur se tibża’ minni,

tilqa’ t-twiddib,

u minn quddiem għajnejha

ma jitneħħiex dak kollu li bih żortha.’

Iżd’huma minnufih

ħassru għemilhom kollu.

8“Għalhekk, stennewni,

oraklu tal-Mulej,

għal dakinhar li fih inqum biex nixhed;

għaliex hu digriet tiegħi

li jien niġbor il-ġnus, niġma’ s-saltniet,

sabiex il-qilla tiegħi nixħet fuqhom,

nixħet ix-xrar tal-għadab kollu tiegħi,

għax f’nar il-korla għajjura tiegħi

l-art kollha għad tintemm.Il-pagani jikkonvertu

9“Għax jiena mbagħad lill-popli nerġa’ nagħtihom

diskors bla qerq,

biex isem il-Mulej ilkoll isejħu,

jaqduh qalb waħda.

10Mix-xtajta l-oħra tax-xmajjar f’Kus

sat-truf tat-Tramuntana,

jadurani l-poplu mxerred tiegħi

u jġib l-offerta tal-qmuħ tiegħu.Il-fdal umli ta’ Iżrael

11“Int ma tibqax imħawda dakinhar

għall-għemil kollu tiegħek

li bih qomt kontrija,

għax jiena mbagħad inneħħi minn ġo nofsok

lil dawk fost niesek

li jsibu l-hena tagħhom fil-kburija;

u int ma żżidx titkabbar

fuq l-għolja mqaddsa tiegħi.

12U nħalli f’nofsok poplu umli u mċekken.

U f’isem il-Mulej ifittxu l-kenn

13dawk li jifdal minn Iżrael.

Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b’ieħor,

u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f’fommhom,

hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu

bla ma jbeżżagħhom ħadd.”Innu ta’ ferħ lil Sijon

14Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon,

Iżrael, samma’ leħnek!

Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha,

bint Ġerusalemm!

15Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza

li kellek kontrik,

keċċa l-għedewwa tiegħek.

Is-sultan t’Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok;

ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’.

16Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm:

“Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu:

17il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok,

gwerrier li jsalva;

minħabba fik jithenna b’hena kbir,

fi mħabbtu jġeddek,

jinfexx minħabba fik f’għajjat ta’ ferħ,

18bħalkieku f’jum ta’ festa.

Il-ħsara nwarrab minnek,

biex bl-għajb tiegħek ma tibqax mgħobbija.

19Ara, jien nagħmel qerda dakinhar

minn kull min ħaqrek,

u nsalva ’l dawk li għotru,

u nerġa’ nsejjaħ lejja l-imkeċċija,

inqegħedhom għat-tifħir, nagħmlilhom isem fl-art kollha,

u rreġġagħhom għal li kienu.

20Jien f’dak iż-żmien inġibkom,

u f’dak iż-żmien niġmagħkom,

u nagħtikom isem fost il-popli

kollha tal-art u dawn ifaħħrukom

u rreġġagħkom għal li kontu

quddiem għajnejkom stess,” jgħid il-Mulej.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help