IL-KTIEB TAL-GĦERF 3 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 3L-hena tal-ġusti

1Imma l-erwieħ tal-ġusti huma f’idejn Alla,

u l-ebda tbatija ma tilħaqhom.

2F’għajnejn il-boloh dehru mejta;

it-tluq tagħhom stħajluh b’telfien,

3u qerda t-tbegħid tagħhom minna.

Iżda huma qegħdin fis-sliem.

4Għax, għalkemm f’għajnejn il-bnedmin dehru maħqura,

għandhom tama sħiħa fil-ħajja bla tmiem.

5Wara ftit ta’ tbatija jiksbu ġid kbir;

għax Alla ġarrabhom

u sabhom tajbin għalih.

6Bħad-deheb fin-nar ġarrabhom,

u laqagħhom bħal vittma maħruqa kollha għalih.

7Meta Alla jiġi għalihom, huma jiddu,

bħal xrar tan-nar li jżiġġ f’għalqa bil-qasab.

8Jagħmlu ħaqq mill-ġnus u jaħkmu fuq il-popli,

u jkun il-Mulej is-sultan tagħhom għal dejjem.

9Min jittama fih jifhem is-sewwa,

u min jemmen fih jgħix miegħu fl-imħabba;

għax tjieba u ħniena hemm għall-magħżulin tiegħu.Il-kastig tal-ħżiena

10Imma l-ħżiena jieħdu l-kastig li ħaqqhom għal ħsibijiethom,

talli warrbu l-bniedem ġust u tbiegħdu mill-Mulej.

11Tassew imsejkna huma dawk li jmaqdru l-għerf u t-tagħlim;

fiergħa t-tama tagħhom,

bla fejda t-taħbit tagħhom, bla siwi għemilhom;

12bla moħħ in-nisa tagħhom,

u ħżiena wliedhom;

misħut kollu n-nisel tiegħu.

13Imma hienja l-mara bla wlied, li ma tkunx tebbgħet ġieħha,

u li ma kellha x’taqsam ma’ ħadd bid-dnub;

dik ikollha l-ħlas meta Alla jżur il-bnedmin.

14Hekk ukoll l-ewnuku, li qatt ma għamel ħsara b’idejh,

lanqas ma żamm ħsibijiet ħżiena kontra l-liġi tal-Mulej;

hu jkollu premju magħżul għall-fedeltà tiegħu,

u post, li bih jitgħaxxaq, fit-tempju tal-Mulej.

15Sabiħ hu frott l-imġiba tajba,

u l-għerq tal-għerf ma jinxef qatt.

16Iżda wlied iż-żina ma jagħtu frott qatt,

u nisel id-dnub ma jasal qatt sat-tmiem.

17Imqar jekk jgħixu ħajja twila, ħadd ma jagħti kashom;

bla ġieħ tkun xjuħithom fl-aħħar jiem.

18U jekk imutu żgħar, ma jkollhomx tama,

lanqas faraġ f’jum il-ħaqq;

19għax nisel il-ħażen jintemm ħażin.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help