1Mulej, missier ħajti u sidha,
titlaqnix għar-rieda tagħhom,
u tħallinix naqa’ minħabba fihom.
2Min se joqgħod b’sawt ma’ ħsibijieti,
u bid-dixxiplina tal-għerf ma’ qalbi,
biex ma jeħlishilix fin-nuqqas tiegħi,
u ma jagħlaqx għajnejh għad-dnubiet tiegħi?
3Li ma jiżdidux l-iżbalji tiegħi
u jitkattru d-dnubiet tiegħi,
u naqa’ quddiem dawk li jeħduha miegħi,
u jifraħ l-għadu tiegħi minħabba fija!
4Mulej, missier u Alla ta’ ħajti,
tagħtinix ħarsa merfugħa ’l fuq,
5u warrab minni kull ġibda ħażina;
6tħallix li jaħtfuni kilba għall-ikel u xewqat tal-ġisem,
u titlaqnix fil-ħakma ta’ xewqat faħxija.
Il-ħalf7Uliedi, isimgħu tagħlim dwar kliem fommkom,
u min iħarsu ma jinqabadx.
8Il-midneb jaħkmuh xufftejh,
min jgħajjar u jitkabbar jitfixkel bihom.
9Iddarrix fommok fil-ħalf,
u tidrax issemmi isem il-Qaddis;
10bħalma lsir mistħarreġ taħt is-swat il-ħin kollu
jibqagħlu fuqu t-tbenġil,
ma jissaffiex minn dnubietu.
11Bniedem li l-ħin kollu jaħlef jimtela bil-ħażen,
u s-swat ma jwarrabx minn daru.
Jekk jonqos, jibqa’ fuqu dnubu,
jekk imbagħad ma jagħtix kas, darb’oħra jidneb aktar;
jekk jaħlef fil-vojt ma jitqiesx bla ħtija,
u timtela daru bil-hemm.Il-kliem ħażin
12Hawn kliem li hu mqabbel mal-mewt;
jalla ma jinstabx f’wirt Ġakobb!
Għax in-nies twajba jżommu dan kollu ’l bogħod minnhom,
u ma jitmegħkux fid-dnubiet.
13Iddarrix fommok fil-ħmieġ ta’ kliem baxx,
għax f’dan hemm kliem ta’ dnub.
14Ftakar f’missierek u ommok
meta toqgħod bilqiegħda mal-kbarat,
li ma tmurx tintilef meta tkun quddiemhom,
u tiblieh fl-imġiba tiegħek;
imbagħad tixtieq li ma twelidtx,
u tisħet jum twelidek.
15Bniedem imdorri jgħid kliem insolenti
ma jitgħallem qatt tul il-jiem kollha ta’ ħajtu.
L-inċest u l-adulterju16Tnejn min-nies ikattru d-dnubiet,
u t-tielet iġib fuqu l-għadab ta’ Alla.
17Bniedem b’passjoni taħraq daqs nar imqabbad,
li ma tintefiex qabel ma jkun qata’ xewqtu;
bniedem li jiżni ma’ niesu
ma jiqafx qabel ma n-nar jaħarqu għalkollox.
Il-bniedem żieni kull ħobż jiġih tajjeb,
u ma jegħjiex qabel ma jmut.
18Min jonqos kontra l-wegħdiet taż-żwieġ
jgħid bejnu u bejn ruħu: “Min se jarani?
Id-dlam jinfirex dawramejt madwari u l-ħitan jostruni,
u ħadd ma jarani. Għaliex għandi nibża’?
Id-dnubiet tiegħi l-Għoli ma jiftakarhomx.”
19Il-biża’ tiegħu huma għajnejn il-bnedmin,
imma ma jafx li għajnejn il-Mulej
jiddu għaxart elef darba iktar mix-xemx;
iħarsu fuq it-triqat kollha tal-bnedmin,
u jiflu saħansitra l-inħawi moħbija.
20Qabel ma nħalaq kollox kien magħruf minnu;
hekk ukoll wara li tlesta.
21Bniedem bħal dan jitħallas fil-pjazez tal-ibliet,
u jinqabad fejn lanqas biss jobsor.L-adultera
22Hekk ukoll il-mara li tħalli ’l żewġha
u ġġiblu werriet minn ħaddieħor,
23għax l-ewwel nett tkun kisret il-Liġi tal-Għoli;
it-tieni tkun naqset lil żewġha;
it-tielet tkun għamlet adulterju bħal mara żienja,
u ġiebet ulied minn raġel ieħor.
24Din tinġieb quddiem il-ġemgħa
u jsir stħarriġ dwar uliedha.
25Uliedha ma jxenxlux għeruq,
u l-friegħi tagħha ma jagħmlux frott.
26Tħalli warajha tifkira misħuta,
u l-għajb tagħha ma jitħassrilhiex.
27U dawk li jibqgħu warajha jsiru jafu
li xejn mhu aqwa mill-biża’ tal-Mulej,
u xejn mhu itjeb milli toqgħod għal-Liġi tal-Mulej.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.