ĠUDITTA Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebIl-ktieb jieħu ismu minn isem il-protagonista tal-ġrajja li hi mara ta’ qawwa erojka. F’mument ta’ tensjoni u gwaj kbir għall-poplu Lhudi, Ġuditta tkun kapaċi ssalva lil ġensha mill-għadu. Dan il-ktieb mhuwiex meqjus bħala ispirat mil-Lhud u mill-insara Protestanti.Iżrael kien ġie assedjat mill-Assiri taħt il-ġeneral kmandant Oloferne. Fil-belt ta’ Betulja, il-poplu kien qiegħed ibati ħafna. L-eżerċtu tal-Assiri kien dawwar il-belt minn kullimkien, kienet naqset il-ħażna tal-ikel, u prospetti ta’ rebħa fuq għadu hekk qawwi ma kinux jeżistu. In-nies qatgħu qalbhom għalkollox u riedu jċedu belthom.Il-kapijiet tal-belt għażlu li jagħtu ċans ta’ ħamest ijiem u jekk ma jiġri xejn aħjar, iċedu l-armi. Ġuditta, mara armla li kienet bniedma ta’ Alla, meta semgħet b’dan, iddeċidiet li tieħu azzjoni. Tkellmet iebes mal-mexxejja tal-belt talli poġġew lil Alla fil-prova u qaltilhom li kellha pjan f’rasha. Ma qalet lil ħadd x’kien il-pjan tagħha.L-iskop prinċipali ta’ dan il-ktieb hu li jqawwi qalb il-poplu fid-diffikultajiet kbar li jista’ jgħaddi minnhom. L-awtur, li jinseġ storja ta’ valur letterarju għoli ħafna, ipoġġi fuq fomm Ġuditta talba mill-isbaħ. Hekk il-messaġġ tal-għajnuna dejjiema ta’ Alla joħroġ ċar. Kien Alla li nqeda b’Ġuditta biex iġib fix-xejn armata hekk qawwija. Mara li użat id-dehen tagħha kollu u sbuħitha kienet kapaċi, għax talbet l-għajnuna ta’ Alla, tinżel fil-kamp tal-battalja u taqta’ ras Oloferne biex hekk l-armata tal-Assiri tisfaxxa.Iva. Iva, Alla ta’ missieri! Alla tal-wirt ta’ Iżrael! Sid is-smewwiet u l-art! Ħallieq tal-ibħra! Sultan tal-ħolqien tiegħek! Isma’ inti t-talba tiegħi. Agħmel li bil-kelma u l-qerq tiegħi nidrobhom u nferihom, lil dawk li jridu jagħmlu l-ħsara lill-patt tiegħek, lit-tempju tiegħek u ’l-quċċata tal-muntanja Sijon, u d-dar tal-għamara ta’ wliedek. Agħmel li l-poplu tiegħek kollu, u t-tribujiet kollha, jagħrfu u jaraw, li int Alla, Alla fuq kull qawwa u fuq kull setgħa, u ħadd u ħadd ħliefek mhu tarka għall-poplu ta’ Iżrael (9,12-14).It-taqsim tal-ktiebIl-Lhud mheddin b’qerda totali (1,1—7,32)Ġuditta ssalva lil ġensha (8,1—14,19)Il-Lhud rebbieħa (15,1—16,25)