1“Imma issa jwaqqgħuni għaż-żufjett
dawk li huma iżgħar minni,
u li missirijiethom mank kont irridhom
joqogħduli mal-klieb tal-merħla tiegħi.
2Għax x’kienet tiswieli l-qawwa ta’ jdejhom,
dawk li telqithom saħħithom kollha?
3Mifnija bil-għaks u bil-ġuħ,
kienu jiġġerrew fix-xagħri,
f’art il-waħx u l-ħrieb;
4ilaqqtu minn qalb l-għollieq il-ħaxix mielaħ,
u jieħdu b’ikilhom għeruq il-ġummar.
5Imkeċċijin minn fost in-nies,
jgħajtu warajhom qishom għal ħalliel,
6marru joqogħdu f’xi ħandaq,
fil-gandotti jew fi xquq il-blat;
7jokorbu qalb l-imsaġar,
u jitgeddsu taħt l-għollieq.
8Razza tal-boloh u nies bla isem,
imwarrbin bil-frosta mill-pajjiż.
9U issa jien sirt iż-żufjett tagħhom,
il-bniedem li ġejt f’ilsienhom.
10Jistmerruni u jwarrbu minni,
xejn ma jżommhom milli jobżquli f’wiċċi.
11Jitkixxfu għal biebi b’għajnejhom fuqi,
kull rażan irmew quddiemi.
12Qam l-irmixk fuq il-lemin tiegħi,
xeħtuli xkiel ma’ saqajja,
ħejjew it-triq għat-telfien tiegħi.
13Ħassruli l-mogħdijiet tiegħi,
ħsiebhom biss kif jeqirduni,
m’hemmx min jeħlisni minnhom.
14Bħal minn selħa wiesgħa jidħlu għalija,
jgħaddu jitgerbu qalb it-tiġrif.
15Twerwir fuq ieħor waqa’ fuqi,
inkines bħar-riħ il-kobor tiegħi,
u l-hena tiegħi għadda bħal sħaba.
16Issa qed iddub ġo fija ruħi,
u ħakmuni jiem ta’ dwejjaq.
17Billejl għadmi jaħraq aktar minn kaldarun,
u n-nervi ta’ ġismi ma jistriħux.
18B’saħħa kbira qabadni minn ħwejġi,
rassni mill-għonq tal-qmis;
19Alla tefagħni fil-ħama,
u sirt bħat-trab u r-rmied.
20Jien ngħajjatlek u ma tweġibnix
nibqa’ nsejjaħ u ma tagħtix kasi!
21M’għadekx li kont, sirt krudil miegħi,
bil-qawwa kollha ta’ driegħek tagħmel għalija,
22taqtagħni mill-art, trikkibni fuq ir-riħ,
u titlaqni nitkaxkar mat-tempesta.
23Jien naf li lejn l-Imwiet qed treġġagħni,
lejn dar il-laqgħa għall-ħajjin kollha.
24Se jerfa’ xi ħadd idu fuq l-imgħarraq
meta fl-hemm tiegħu jitolbu l-għajnuna?
25U ma bkejtx jien għal min kienet iebsa għalih il-ħajja?
Ma għalejtx jien għall-bniedem fil-bżonn?
26Stennejt ir-risq u ġieni d-deni;
ittamajt id-dawl u ġieni d-dlam.
27Imsarni jbaqbqu bla mistrieħ,
ġew għal wiċċi jiem ta’ niket.
28B’qalbi sewda niġġerra bla faraġ,
inqum fil-ġemgħa u ngħajjat:
29Sirt jiena ħu x-xakalli,
għandi bi sħabi n-ngħam.
30Swiditli l-ġilda aktar minn kaldarun,
għadmi jaħraq aktar minn riħ jikwi.
31Qalbet iċ-ċetra tiegħi għal daqq in-niket,
u għall-għanja tal-bekkejja l-flawt tiegħi.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.