1Għall-mexxej tal-kor. Fuq “Il-ħamiema tal-ballut imbiegħed”. Miktam. Ta’ David, meta nqabad mill-Filistin f’Gatt.
2Ħenn għalija, o Alla, għax qegħdin ikasbruni,
il-jum kollu jagħmlu għalija u jagħfsu fuqi.
3Il-jum kollu jkasbruni l-għedewwa tiegħi,
għax ħafna huma dawk li jeħduha miegħi.
4Fik, Alla l-Għoli, jien nittama,
meta jkolli għal xiex nibża’.
5Bl-għajnuna ta’ Alla nfaħħar kelmtu;
f’Alla nafda, m’għandix għax nibża’;
x’jista’ jagħmilli l-bniedem?
6Il-jum kollu jqassu u jgħidu fuqi,
ħsiebhom biss kif jagħmluli l-ħsara.
7Jinġemgħu flimkien u jistaħbew, jgħassu l-mixi tiegħi,
bit-tama li jneħħuli ħajti.
8Għall-ħażen tagħhom ħallashom int, o Alla;
bl-għadab tiegħek xejjen il-popli.
9Int għaddejt kull ċaqliqa tiegħi;
iġma’ fi flixkun id-dmugħ tiegħi.
Mhuwiex dan fil-ktieb tiegħek?
10Imbagħad jerġgħu lura l-għedewwa tiegħi,
meta jiena nsejjaħlek.
Dan jien naf, li Alla hu miegħi.
11Bl-għajnuna ta’ Alla nfaħħar kelmtu;
bl-għajnuna tal-Mulej infaħħar kelmtu.
12F’Alla nitma, m’għandix għax nibża’;
x’jista’ jagħmilli l-bniedem?
13O Alla, jien marbut bil-wegħdiet tiegħek;
għalhekk irroddlok sagrifiċċji ta’ tifħir.
14Għax mill-mewt int ħlistli ’l ħajti
u ’l riġli mill-waqgħa,
biex nimxi quddiem Alla fid-dawl tal-ħajjin.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.