1Lejn xufftejk ressaq it-tromba,
int li tgħasses fuq dar il-Mulej.
Għax kisru l-patt tiegħi,
u dinbu kontra l-liġi tiegħi.
2Lili jsejħu u jgħidu:
“Aħna nagħrfuk, Alla ta’ Iżrael!”
3Iżrael stmerr it-tajjeb,
l-għadu għad jagħmel għal warajh.
4Huma ħatru slaten f’Iżrael,
iżda dan ma kienx ġej minni;
għażlu prinċpijiet, bla ma kont naf jien.
Il-fidda u d-deheb tagħhom
dewbuhom f’idoli għall-qerda tagħhom stess.
5Nistmerru l-għoġol tiegħek, Samarija.
Il-korla tiegħi xegħlet għalik.
Kemm se jdumu wlied Iżrael,
bla ħila li jissaffew?
6Dak għamlu raġel tas-sengħa;
dak mhuwiex Alla.
L-għoġol ta’ Samarija għad isir frak.
7Ladarba huma jiżirgħu r-riħ,
għad jaħsdu r-riefnu.
Il-qamħ ma jsebbilx,
ma joħroġx dqiq minnu;
u jekk isir, jibilgħuh il-barranin.
8Iżrael inbala’!
Issa qegħdin fost il-ġnus
bħal biċċa tagħmir bla ħajr.
9Għax huma telgħu l-Assirja,
waħdu bħal ħmar selvaġġ;
Efrajm kera l-ħbieb.
10U wkoll jekk isibuhom qalb il-ġnus,
jien dalwaqt niġborhom,
u jieqfu għal ftit milli jidilku
slaten u prinċpijiet.
11Efrajm kattar l-artali biex jidneb,
artali biex jidneb saru għalih.
12Kieku kelli niktiblu bl-eluf il-liġijiet tiegħi,
kieku jqisuhom liġijiet tal-barranin.
13Jistgħu joffru l-vittmi u jieklu l-laħam,
lill-Mulej ma jogħġbuh xejn.
Għad jiftakar fi ħżunithom
u ħtijiethom jikkastigahom.
Lejn l-Eġittu għad jerġgħu jmorru.
14Iżrael nesa lil min għamlu,
u bena palazzi;
Ġuda kattar l-ibliet fortizzi.
Imma jien għad nitlaq in-nar fi blietu,
u dan jibla’ l-fortizzi tiegħu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.