1Salm. Ta’ Asaf,
Alla, il-Mulej Alla, tkellem u sejjaħ l-art.
Minn fejn titla’ x-xemx sa fejn tinżel,
2minn Sijon, il-ġmiel tagħha,
Alla wera d-dija tiegħu.
3Ġej Alla tagħna, ma jibqax sieket;
quddiemu nar li jeqred,
madwaru tempesta qalila.
4Hu jsejjaħ is-smewwiet mill-għoli
u l-art, biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu:
5“Iġimgħu ’l ħbiebi quddiemi,
li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju.”
6U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu,
għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq.
7“Isma’, poplu tiegħi, għax se nitkellem,
Iżrael, għax se nixhed kontrik.
Jiena Alla, Alla tiegħek.
8Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek;
il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.
9Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek,
jew gidjien mill-imrieħel tiegħek.
10Għax tiegħi huma l-bhejjem tax-xagħri,
eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.
11Jien nagħraf it-tjur kollha tal-ajru,
taħt għajnejja kulma jimxi fir-raba’.
12Li kont bil-ġuħ, mhux se ngħid lilek,
għax tiegħi l-art u kulma fiha.
13Huwa jien se niekol laħam il-gniedes,
jew nixrob id-demm tal-gidjien?
14Agħti ’l Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.
15Imbagħad sejjaħli f’jum id-dwejjaq;
jien neħilsek, u int tweġġaħni.”
16Lill-ħażin, imma, Alla jgħidlu:
“Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi,
u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,
17int, li tobgħod it-twiddib,
u tixħet kliemi wara dahrek?
18Jekk tiltaqa’ ma’ ħalliel, tissieħeb miegħu;
sehmek taqsam maż-żienja.
19Fommok ftaħt għall-ħażen,
u lsienek il-qerq jinseġ.
20Kontra ħuk toqgħod tpaċpaċ,
kontra bin ommok tqassas.
21Dan int għamilt, u jien bqajt sieket;
forsi ħsibt li jiena bħalek.
Issa se nċanfrek, u dan kollu nqiegħed quddiemek.
22Ifhmuha sewwa, intom li tinsew ’l Alla,
li ma naħtafkomx, u ħadd ma jeħliskom.
23Min iroddli sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, dan isebbaħni;
lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.