1Għall-mexxej tal-kor. Fuq “La teqridx”. Ta’ David. Miktam.
2Intom, kbarat, qegħdin tagħmlu ħaqq sewwa?
Qegħdin tiġġudikaw sewwa l-bnedmin?
3Le, anzi f’qalbkom il-ħażin taħsbu,
fuq l-art dnewwa jxerrdu jdejkom.
4Minn ġuf ommhom il-ħżiena qabdu triq ħażina,
minn twelidhom żbaljaw dawk li jgħidu l-gideb.
5Għandhom semm bħal dak tas-serp,
bħal tal-lifgħa truxa, li ssodd widnejha,
6biex ma tismax is-sejħa tas-saħħar,
imqar jekk isaħħar b’sengħa kbira.
7O Alla, farrkilhom snienhom f’ħalqhom,
kisser dras il-frieħ tal-iljun, Mulej.
8Ħa jgħibu bħal ilma li jintrema,
bħal ħaxix jintrifsu u jinxfu.
9Ikunu bħal bebbuxu li jinxef u jintemm,
bħal tarbija barra minn żmienha li ma tarax ix-xemx.
10Qabel ma tinħass is-sħana tax-xewk jaqbad,
ħajjin ikaxkarhom bis-saħna ta’ għadbu.
11Jifraħ il-ġust xħin jara l-ħaqq iseħħ,
saqajh jaħsel fid-demm tal-ħżiena.
12U kulħadd jgħid: “Tassew hemm ħlas tajjeb għall-ġust;
tassew li hemm Alla jagħmel ħaqq fuq l-art.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.