1Araw, id il-Mulej ma qsaritx li ma ssalvax,
lanqas widnejh ma tqalu biex jisimgħu.
2Imma ħżunijietkom firdukom minn Alla tagħkom,
u dnubietkom ħbewlu wiċċu minnkom,
biex ma jismagħkomx.
3Għax wiċċ idejkom imċappas bid-demm,
u subgħajkom bil-ħażen.
Xufftejkom jgħidu l-gideb,
u lsienkom itaqtaq il-qerq.
4Ħadd ma jagħmel kawża għall-ġustizzja;
ħadd ma jiddefendi s-sewwa.
Jittamaw fix-xejn u jlissnu l-gideb;
inisslu l-ħażen u jildu d-deni.
5Ifaqqsu bajd is-sriep,
u jinsġu għanqbut il-brimb.
Min jiekol mill-bajd tagħhom imut;
u jekk tkisser waħda minnhom
tfaqqas lifgħa.
6L-għanqbut tagħhom ma jlibbisx,
u b’xogħolhom in-nies ma jilbsux
għax xogħolhom xogħol il-ħażen,
u għemil il-vjolenza għemil idejhom.
7Riġlejhom imgħaġġla għad-deni,
u ħfief biex ixerrdu d-demm bla ħtija.
Ħsibijiethom ħsibijiet il-ħażen,
qerda u ħerba hemm fi triqathom.
8Triq is-sliem ma jafuhiex,
u ma hemmx id-dritt f’mixjiethom.
Għawġu mogħdijiethom,
u min jgħaddi minnhom ma jafx bi sliem.
9Għalhekk tbiegħed is-sewwa minna,
u l-ġustizzja ma taslilniex.
Stennejna d-dawl, u sibna d-dlam;
stennejna d-dija, u dħalna fis-swied.
10Bħal għomja mal-ħajt inteftfu,
inteftfu bħan-nies mingħajr għajnejn.
Nitfixklu f’nofsinhar bħal filgħaxija
u fl-aqwa tagħna qisna mejtin.
11Ilkoll ingargru bħall-orsijiet,
u ngorru dejjem bħall-ħamiem.
Nistennew il-ġustizzja, u ma ssibhiex;
nistennew is-salvazzjoni, u din titbiegħed minna.
12Għax dnubietna kotru quddiemek;
u ħtijietna jixhdu kontrina.
Għax dnubietna magħna,
u ħżunijietna nafuhom:
13nidinbu u niċħdu lill-Mulej,
u nerġgħu lura minn wara Alla tagħna;
naħqru u nxewxu,
kliem il-gideb minn qalbna llissnu.
14Twarrab is-sewwa,
u l-ġustizzja baqgħet ’il bogħod.
Is-sinċerità tfixklet fil-pjazza,
u l-onestà ma tistax tidħol.
15Għabet is-sinċerità,
u min jitbiegħed mill-ħażen jisirquh.
Il-Mulej ra dan u ddispjaċieh,
għax is-sewwa ma kienx hemm.
16U ra li ma kien hemm ħadd,
u stagħġeb li ħadd ma ndaħal.
Il-qawwa ta’ driegħu għenitu,
u s-sewwa tiegħu wieżnu.
17Libes il-ġustizzja bħal kurazza,
u l-elmu tas-salvazzjoni f’rasu.
Libes il-ħwejjeġ tal-vendetta,
u tgħatta bil-mantar tal-ħeġġa.
18Skont għemilhom iħallashom;
saħna kontra l-avversarji tiegħu,
u ħlas għall-għedewwa tiegħu,
u jagħtihom ħaqqhom lill-artijiet tax-xtut.
19U jaraw mill-Punent isem il-Mulej,
u minn tlugħ ix-xemx il-glorja tiegħu.
Għax tiġi bħal xmara mfawra,
misjuqa b’nifs il-Mulej.
20U feddej jiġi għal Sijon,
u għal nies Ġakobb li jħallu dnubhom,
oraklu tal-Mulej.
21“Dan hu l-patt tiegħi magħhom, jgħid il-Mulej:
L-ispirtu tiegħi li hemm fik u kliemi li qegħedt f’fommok, ma jitbegħdux minn fommok jew minn fomm uliedek, u wlied uliedek, minn issa u għal dejjem,” jgħid il-Mulej.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.