EŻEKJEL 26 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 26Oraklu kontra l-Feniċi

1Fil-ħdax-il sena, fl-ewwel tax-xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli:

2“O bniedem, talli Tir qalet għal Ġerusalemm:

‘Ah! Ah! Tfarrak il-bieb tal-fortizza,

għal għandi jdur il-ġid tal-belt imħarbta,’

3għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:

Arani, kontrik ja Tir:

intella’ għalik kotra ta’ popli

bħalma l-baħar itella’ l-mewġ.

4U jġarrfu s-swar ta’ Tir,

u jħottu t-torrijiet tagħha.

Niknes minnha t-terrapien tagħha,

u nagħmilha blata għerja.

5Tkun mifrex għax-xbiek f’nofs ta’ baħar,

għax jien tkellimt,

oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

Tkun priża għall-ġnus;

6u bnietha fir-raba’ jgħadduhomlha minn xifer ix-xabla,

u jkun jafu li jien il-Mulej.”

7Għax dan jgħid Sidi l-Mulej:

“Arani, se nġib mit-Tramuntana għal Tir

lil Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja,

Sultan fuq is-slaten, biż-żwiemel u l-karrijiet,

bil-kavallerija u l-eżerċtu,

u b’qatgħa ta’ poplu kbira.

8Bnietek fir-raba’ jgħaddihomlok minn xifer ix-xabla.

Jibnilek ħajt madwarek,

u jtella’ kontrik rampa,

u jgħolli saqaf ta’ tarki għal fuqek.

9U jdawwar id-daqqiet tal-magni tiegħu

għal fuq swarek

u jġarraflek il-fortizza bl-imnanar tiegħu.

10Tgħattik l-għabra tal-kotra taż-żwiemel tiegħu;

bil-ħsejjes tal-kavallerija,

tar-roti u l-karrijiet;

jitriegħdu swarek,

meta huwa jidħol minn bwiebek,

bħal wieħed dieħel f’belt b’ħitanha mċarrta.

11Bi dwiefer iż-żwiemel jgħaddi, jikkalpestalek triqatek;

lil niesek jgħaddihomlok minn xifer ix-xabla,

u l-kolonni qawwija tiegħek

iwittilek mal-art.

12Ġidek jagħmluh priża,

u l-merkanzija jisirquhielek;

iġarrfulek ħitanek,

u jeqirdulek id-djar sbieħ tiegħek,

il-ġebel tiegħek, l-injam u t-trab tiegħek,

iwaddbuhomlok f’nofs ta’ baħar.

13Insikket l-għagħa tal-għana tiegħek;

u d-daqq tal-arpi tiegħek ma jinstemax aktar.

14Nagħmel minnek blata għerja;

tkun mifrex għax-xbiek.

Ma tinbena qatt iżjed,

għax jien, il-Mulej, tkellimt,”

oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

Lamentazzjoni fuq il-prinċpijiet tal-baħar

15Dan jgħid Sidi l-Mulej lil Tir: “Kif għad jitriegħdu l-gżejjer mal-ħoss ta’ waqagħtek, meta l-midruba jgħajtu, meta ssir l-istraġi f’nofsok!

16Il-prinċpijiet tal-baħar kollha għad jinżlu mit-tron tagħhom, ineħħu l-imnatar u l-ilbies tal-brukkat tagħhom. Jilbsu l-vistu, jinżlu bilqiegħda fl-art, jitkexkxu l-ħin kollu u jibqgħu skantati bik.

17“Imbagħad jgħannu għanja ta’ biki għalik u jgħidulek:

‘Kif ġejt fix-xejn int, għebt mill-baħar!

Il-belt famuża,

l-aqwa fuq l-ibħra,

hi u n-nies tagħha,

li kienu jbeżżgħu n-nies kollha,

li jgħammru mal-baħar.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help