1Tkunx għajjur għall-mara ta’ qalbek,
biex ma tgħallimhiex il-ħażen kontrik.
2Tagħtix ruħek lill-mara,
hekk li din titla’ fuq rasek.
3Tmurx ma’ mara żienja,
li ma tmurx taqa’ fix-xbiek tagħha.
4Tagħmilhiex ma’ waħda tgħanni,
li ma tmurx tinqabad mill-mossi tagħha.
5Xebba toqgħodx tifliha,
li ma taħbatx titfixkel u jkun ħaqqek il-kastig magħha.
6Tagħtix ruħek lin-nisa tat-triq,
biex ma tberbaqx il-wirt li għandek.
7Toqgħodx tgħarrex fi triqat il-belt,
u toqgħodx tiġġerra fl-inħawi mwarrba tagħha.
8Dawwar ħarstek minn fuq mara sabiħa,
u tiċċassax lejn ġmiel mart ħaddieħor.
Minħabba sbuħit mara ħafna tilfu triqthom,
u hekk tħeġġet fihom bħan-nar il-passjoni.
9Toqgħodx fuq il-mejda ma’ waħda miżżewġa,
u tixxalax bl-inbid magħha,
li ma tmurx qalbek tinġideb lejha,
u fis-saħna tiżloq u tintilef.L-imġiba mal-irġiel
10Ħabib antik titilqux,
għax wieħed ġdid ma tħalltux miegħu;
ħabib ġdid hu bħal inbid ġdid:
tixorbu bil-qalb meta jeqdiem.
11Tgħirx għal ġieħ mogħti lill-midneb,
għax ma tafx x’hemm lest għalih.
12Tifraħx b’dak li jferraħ lill-ħżiena,
ftakar li sa ma jmutu ma jibqgħux bla ħlas.
13Tbiegħed minn bniedem li jista’ joqtol,
li ma jkollokx għalfejn titħasseb għax tibża’ li tmut;
imma jekk tersaq lejh, ara li ma tiżbaljax,
li ma jmurx ineħħilek ħajtek.
Kun af li qalb nases huma l-passi tiegħek,
u qed timxi fuq swar il-belt.
14Agħmel ħiltek u fittex il-ġirien tiegħek,
u ħu parir mingħand l-għorrief.
15Tħaddet ma’ nies bil-għaqal,
u kulma tgħid għandu jkun fuq il-Liġi tal-Għoli.
16Dawk li jieklu miegħek għandhom ikunu rġiel sewwa,
u l-ftaħir tiegħek ħa jkun fil-biża’ ta’ Alla.
17Tifħir jaqla’ xogħol ta’ id is-sengħa,
u mexxej ta’ poplu juri għerfu f’kelmtu.
18Lablâb ta’ min jibża’ minnu f’beltu,
u jinbagħad min jitkellem bl-addoċċ.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.