BIN SIRAK 35 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 35Il-Liġi u s-sagrifiċċji

1Min iħares il-Liġi jkun qed jagħmel kotra ta’ offerti,

min iħares il-kmandamenti jagħmel sagrifiċċju tas-sliem.

2Min ipatti l-ħniena għall-ħniena jkun qed iressaq offerta tal-qmuħ

u min jagħmel karità jkun qed joffri sagrifiċċju ta’ tifħir.

3Jogħġob lill-Mulej min iżomm ’il bogħod mill-ħażen

u jħallas għal dnubietu min jibqa’ ’l bogħod mill-inġustizzja.

4Tidhirx quddiem il-Mulej b’idek vojta;

dan kollu għandu jsir minħabba l-kmandament.

5L-offerta tal-ġust tikkonsagra l-artal biż-żejt,

u l-fwieħa tagħha titla’ quddiem l-Għoli.

6Is-sagrifiċċju tal-ġust jilqgħu l-Mulej,

u t-tifkira tiegħu ma tintesiex.

7Agħti ġieħ lill-Mulej b’idejk miftuħa,

u toffrix bit-tqanċiċ mill-bikri.

8Kull għotja tiegħek agħtiha bil-ferħ,

u agħti l-għexur tiegħek bil-qalb.

9Agħti lill-Għoli skont ma tak hu,

b’qalb kbira skont ma ssib f’idejk.

10Għax il-Mulej irodd lura,

u jħallsek seba’ darbiet aktar.Il-ġustizzja ta’ Alla

11Tippruvax ixxaħħmu għax ma jilqax dak li toffrilu,

u sserraħx rasek fuq sagrifiċċju inġust,

12għax il-Mulej hu mħallef,

u ma jħarisx lejn l-uċuħ.

13Ma joqgħodx iħares lejn wiċċ dak li jkun b’dannu tal-fqir,

u jagħti widen għat-talba tal-magħkus.

14Ma jagħlaqx widnejh għat-talba bil-ħniena tal-iltim,

jew tal-armla li tibki xortiha.

15Jaqaw dmugħ l-armla ma jġelbinx ma’ ħaddejha,

hi u tixher kontra min kien kaġun tiegħu?

16Min jaqdi mill-qalb lil Alla jintlaqa’,

u t-talba tiegħu titla’ m’ogħla s-sħab.

17It-talba tal-umli tinfed is-sħab,

u ma toqgħodx bi kwietha qabel tasal qrib il-Mulej,

18u ma tiqafx qabel mal-Għoli jagħti widen,

u jagħti raġun lill-ġusti u jagħmel ħaqq.

19Il-Mulej ma jitnikkirx,

u ma joqgħodx jissaportihom,

20sa ma jfarrak ġenbejn il-kiefra,

u jrodd il-kastigi lill-ġnus;

21sa ma jneħħi l-kotra tal-ħżiena

u jfarrak ix-xettri tal-inġusti;

22sa ma jħallas il-bniedem skont għemilu,

u xogħlijiet il-bniedem skont ħsibijietu;

23sa ma jiġġudika l-kawża tal-poplu tiegħu,

u jferraħhom bil-ħniena tiegħu.

24Għażiża ħnientu fit-tiġrib tiegħu,

daqs sħab tax-xita fi żmien in-nixfa.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help