1 SAMWEL 22 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 22

1David qam u telaq minn hemm, u ħarab lejn l-għar ta’ Għadullam; u semgħu ħutu u d-dar kollha ta’ missieru, u niżlu ħdejh hemmhekk.2 Sam 23,13; S 63; Mik 1,15.

2U ngħaqad miegħu kull min kien magħkus, kull min kellu d-dejn, u kull min kien imdejjaq, u hu sar il-kap tagħhom; kellu miegħu daqs erba’ mitt raġel.

3Minn hemm David mar Misfa f’Mowab, u qal lis-sultan ta’ Mowab: “Ħalli joqogħdu missieri u ommi hawnhekk magħkom, sakemm inkun naf x’se jagħmel Alla għalija.”

4U ħalliehom għand is-sultan ta’ Mowab, u baqgħu miegħu ż-żmien kollu li David dam f’dak il-post fortizza.

5Imma l-profeta Gad qallu: “Toqgħodx f’din il-fortizza, itlaq u mur lejn art Ġuda.” U David telaq u mar fil-masġar ta’ Ħeret.

Sawl jivvendika ruħu mill-qassisin u l-poplu ta’ Nob

6Sawl sama’ li n-nies kienu jafu fejn kien David bin-nies tiegħu. Sawl kien f’Gibgħa taħt is-siġra tat-tamarisk fuq l-għolja bil-lanza f’idu, u bin-nies tiegħu wieqfa madwaru.S 52.

7U Sawl qal lill-qaddejja tiegħu ta’ madwaru: “Isimgħu, nies ta’ Benjamin. Taħsbu intom li bin Ġesse se jagħtikom ilkoll oqsma u dwieli? Se jagħmilkom ilkoll kapijiet tal-eluf u kapijiet tal-mijiet?1 Sam 8,14.

8Għaliex ilkoll kemm intom tiftiehmu kontrija, u ħadd ma jgħarrafni bil-ftehim bejn ibni u bin Ġesse? Ħadd minnkom ma jħoss għalija u lanqas ma jgħarrafni li ibni xewwex lill-qaddej tiegħi; u li bħalissa qiegħed jonsobli?”

9U wieġeb Duweg l-Idumi, wieqaf f’nofs il-qaddejja ta’ Sawl, u qal: “Jiena rajt lil bin Ġesse sejjer Nob, għand Aħimelek bin Aħitub;1 Sam 21,2-10.

10u dan staqsielu l-Mulej, u tah l-ikel, u x-xabla ta’ Gulija l-Filisti.”

11Imbagħad is-sultan bagħat isejjaħ lil Aħimelek bin Aħitub, il-qassis, lid-dar ta’ missieru, lill-qassisin kollha li kienu f’Nob; u dawn ġew ilkoll għand is-sultan.

12U qallu Sawl: “Isma’, jekk jogħġbok, bin Aħitub.” U dak wieġeb: “Hawn jien, Sidi.”

13U Sawl qallu: “Għaliex ftehemtu kontrija, inti u bin Ġesse, u int tajtu ikel u xabla, u staqsejtlu lil Alla biex iqum kontra tiegħi, u jissajjali, bħalma qiegħed jagħmel illum?”

14U Aħimelek wieġeb lis-sultan u qallu: “U min hu mill-qaddejja tiegħek kollha bħal David, fidil u ħaten is-sultan, kap tal-għassa tiegħek, u stmat f’darek?

15Kien illum li bdejt nistaqsilu lil Alla? Żgur li le. Ma jkun qatt li s-sultan iwaħħal fil-qaddej tiegħu, u f’dar missieri kollha! Il-qaddej tiegħek ma jaf xejn, la wisq u la ftit, b’din il-biċċa.”

16U s-sultan qallu: “Int tmut żgur, Aħimelek, int u dar missierek kollha.”

17U s-sultan qal lill-gwardji ta’ madwaru: “Duru u oqtlu lill-qassisin tal-Mulej, għax huma wkoll newlu idejhom lil David, u kienu jafu li ħarab minni, u ma qaluli xejn.” Imma l-qaddejja ma ridux jerfgħu idejhom fuq il-qassisin tal-Mulej u joqtluhom.1 Sam 2,31-33; 21,7.

18Is-sultan, għalhekk, qal lil Duweg: “Dur int, u oqtol il-qassisin.” U Duweg l-Idumi dar u qabad hu fil-qassisin; u dak in-nhar qatel ħamsa u tmenin raġel li kienu jġibu l-efod tal-għażel.1 Sam 2,18.

19U ’l Nob, il-belt tal-qassisin, għaddieha minn xifer ix-xabla, irġiel u nisa, tfal u trabi, gniedes, ħmir u nagħaġ.

20Ħelisha tifel wieħed, bin Aħimelek bin Aħitub, li kien jismu Abjatar, u ħarab wara David.1 Sam 23,6; 30,7; 1 Slat 2,26-27.

21U Abjatar għarraf lil David li Sawl kien qatel il-qassisin tal-Mulej.

22U David qal lil Abjatar: “Ħsibtu jien dakinnhar, la kien hemm Duweg l-Idumi, li żgur imur jgħid lil Sawl. Lgħabt bil-ħajja ta’ dar missierek.

23Oqgħod miegħi. La tibżax, għax min ifittixlek ħajtek ikun ifittex lil ħajti; ħdejja tkun fiż-żgur.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help