ĠOB 18 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 18It-tieni diskors ta’ Bildad

1Wieġeb imbagħad Bildad is-Suħi u qal:

2“Kemm se ddum bħalek taqla’ kawtieli?

Agħti ftit widen, ħallina nkellmuk.

3L-għala nitqiesu minnek bħala bhejjem,

u fil-fehma tiegħek ma niswew xejn?

4Int li tifni ruħek bil-korla tiegħek,

taħseb li għandha tintelaq minħabba fik id-dinja

jew jitqanqal minn postu l-blat?

5Imma żgur jintefa d-dawl tal-ħażin,

u l-fjamma tan-nar tiegħu ma tiddix aktar.

6Inin id-dawl fl-għarix tiegħu,

u l-lampa ta’ fuq rasu tintefa.

7Jiqsaru l-passi qawwija tiegħu,

u l-fehma tiegħu stess iġġarrfu.

8B’riġlejh stess jidħol fix-xibka,

fuq il-mansab imidd passih.

9Taqbdu ingassa minn għarqubu,

u n-nassa tingħalaq fuqu.

10Moħbi fl-art għalih il-ħabel,

u t-trabokk fil-mogħdija.

11Minn kull naħa jħebb għalih il-biża’,

u jibqa’ jsus wara riġlejh.

12Jgħum fil-ġid imma bil-ġuħ,

u l-qerda tiegħu tistennieh maġenbu.

13Tikollu ġildu marda kerha,

l-iben il-kbir tal-Mewt jirgħa fuq ġismu.

14Jinħataf mill-għarix komdu tiegħu,

u jġorruh għand Sultan il-waħxijiet.

15L-għarix tiegħu jagħtuh in-nar,

fejn kien joqgħod iferrxu l-kubrit.

16Minn taħt jinxfulu għeruqu,

u minn fuq jinxfulu l-friegħi.

17Tgħib mid-dinja tifkirtu,

u fit-toroq ma jkollux isem.

18Iwaddbuh mid-dawl għal ġod-dlam,

u jqaċċtuh minn wiċċ did-dinja.

19Ma jkollux nisel fost il-poplu tiegħu,

lanqas ħadd ma jibqagħlu f’għamartu.

20Għal li ġralu jistagħġbu n-nies tal-Punent,

u dawk tal-Lvant jitkexkxu.

21Iva, dan hu tmiem l-għamara tal-ħażin,

dan imissu min ma jridx jaf b’Alla.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help