1Hallelujah!
Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
2Min jista’ jsemmi l-għemejjel kbar tal-Mulej,
jew isemma’ t-tifħir tiegħu kollu?
3Hieni min jimxi bid-dritt,
min jagħmel dejjem is-sewwa.
4Ftakar fija, Mulej,
fi mħabbtek għall-poplu tiegħek;
aħseb fija bis-salvazzjoni tiegħek,
5biex nara l-ġid tal-magħżulin tiegħek,
biex nifraħ għall-ferħ ta’ ġensek,
u niftaħar mal-poplu ta’ wirtek.
6Aħna dnibna, bħal missirijietna,
waqajna fil-ħtija, għamilna l-ħażen.
7Missirijietna fl-Eġittu
ma għarfux l-għeġubijiet tiegħek,
ma ftakrux fit-tjieba kbira tiegħek;
u ħaduha kontra Alla l-Għoli ħdejn il-Baħar tal-Qasab.
8Iżda hu salvahom minħabba f’ismu,
biex juri l-qawwa tiegħu.
9Ċanfar lill-Baħar tal-Qasab, u dan nixef;
mexxiehom f’qiegħ il-baħar bħal f’deżert.
10Salvahom minn id dawk li jobogħduhom;
fdiehom minn id l-għedewwa tagħhom.
11L-ilma għatta lil dawk li għakksuhom;
anqas wieħed ma baqa’ minnhom.
12Imbagħad emmnu fi kliemu,
u għana ta’ tifħir għannewlu.
13Iżda malajr insew għemilu;
mank stennew li jseħħ ħsiebu.
14U qabdithom kilba bla lġiem fid-deżert,
u ġarrbu lil Alla fix-xagħri,
15u tahom kulma talbuh,
anzi fgahom bl-ikel sa mnifsejhom.
16Ġiethom l-għira għal Mosè fl-għerejjex,
u għal Aron, il-qaddis tal-Mulej.
17Infetħet l-art u belgħet ’il Datan,
u għalqet taħtha ’l Abiram u ’l sħabu.
18Ħaraq in-nar il-ġemgħa tan-nies tagħhom,
nqerdu l-ħżiena fil-ħuġġieġa tan-nar.
19Għamlu għoġol ħdejn il-Ħoreb,
qiemu xbieha tal-metall imdewweb.
20Bidlu ’l Alla, il-glorja tagħhom,
ma’ xbieha ta’ gendus jiekol il-ħaxix.
21U nsew ’l Alla, li salvahom,
li għamel ħwejjeġ kbar fl-Eġittu,
22għeġubijiet fl-art ta’ Ħam,
ħwejjeġ tal-biża’ fil-Baħar tal-Qasab.
23Kien għamel il-ħsieb li jeqridhom,
li ma kienx għal Mosè, il-magħżul tiegħu,
li waqaf fis-selħa tas-sur quddiemu,
biex iberrdu u ma jeqridhomx.
24Imbagħad maqdru l-art li tgħaxxaq,
għax ma emmnux fil-kelma tiegħu.
25Qagħdu jgergru fl-għerejjex tagħhom,
ma ridux jisimgħu leħen il-Mulej.
26Għalhekk rafa’ idu kontrihom,
b’ħalfa li jmiddhom fid-deżert,
27li fost il-ġnus ixerred ’l uliedhom
u mal-artijiet iferrixhom.
28Huma ngħataw lil Bagħal-pegħor,
kielu mill-vittmi maqtula lill-allat mejta.
29Irrabjawh bl-imġiba tagħhom,
u marda kerha faqqgħet fosthom.
30Qam imbagħad Fineħas u tħallas,
u l-kastig waqaf għalkollox.
31Dan swielu għall-ġid tiegħu,
minn nisel għal nisel, għal dejjem.
32Inkurlawh ukoll ħdejn l-ilma ta’ Meriba,
imqar Mosè weħel minħabba fihom;
33għax huma tellfulu sabru,
u qal dak li ġie fi lsienu.
34Huma ma qerdux il-popli,
kif il-Mulej kien qalilhom;
35imma tħalltu mal-ġnus,
u tgħallmu d-drawwiet tagħhom.
36Taw qima lill-idoli tagħhom,
li saru bħal nassa għalihom.
37Qatlu b’sagrifiċċji lix-xjaten
lil uliedhom subien u bniet.
38Xerrdu demm bla ħtija,
demm uliedhom subien u bniet,
li ssagrifikaw lill-idoli ta’ Kangħan;
u l-art tniġġset bid-dmija.
39Hekk tħassru bl-għemejjel tagħhom,
u żnew bl-imġiba tagħhom.
40Għalhekk inkorla l-Mulej għall-poplu tiegħu,
u stmell il-wirt tiegħu.
41U telaqhom f’idejn il-ġnus,
ħakmuhom dawk li jobogħduhom.
42Għakksuhom l-għedewwa tagħhom,
u kellhom joqogħdu taħt idejhom.
43Ħafna drabi hu ħelishom,
iżda huma webbsu rashom miegħu,
u ġġarrfu bil-ħażen tagħhom.
44Iżda hu ħares lejn l-hemm tagħhom,
xħin sama’ t-tnehid tagħhom.
45Ftakar fil-patt tiegħu magħhom;
u fit-tjieba kbira tiegħu ħenn għalihom.
46U għamel li jsibu l-ħniena
minn dawk kollha li kienu jassruhom.
47Salvana, Mulej, Alla tagħna,
u iġmagħna minn fost il-ġnus,
biex irroddu ħajr lill-isem qaddis tiegħek
u niftaħru bit-tifħir tiegħek.
48Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,
minn dejjem għal dejjem!
Ħa jgħid il-poplu kollu: “Ammen!”
Hallelujah!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.