ISAIJA 52 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 52Il-ħelsien ta’ Sijon mill-jasar

1Stenbaħ! Stenbaħ!

Xidd il-qawwa tiegħek, Sijon!

Ilbes mill-isbaħ, Ġerusalemm, belt qaddisa!

Fik il-pagan jew l-imniġġes ma jidħolx aktar.

2Tfarfar mit-trab, qum, ilsira Ġerusalemm,

ħoll l-irbit minn għonqok, ilsira bint Sijon!

3Għax dan jgħid il-Mulej:

“Kontu mibjugħa b’xejn,

u mingħajr flus tinfdew.”

4Għax dan jgħid sidi l-Mulej:

“Niżel il-poplu tiegħi żmien ilu fl-Eġittu,

biex jgħammar hemm barrani;

u l-Assirja għakksitu għal xejn b’xejn.

5U issa x’se nagħmel jien hawnhekk?

Oraklu tal-Mulej.

Il-poplu tiegħi kien meħud bla flus,

u l-ħakkiema tiegħu jiftaħru b’dan.

Oraklu tal-Mulej.

Ismi mkasbar kull jum.

6Għalhekk il-poplu tiegħi jagħraf ismi;

jagħraf dakinhar li hu jien li kont ngħid:

‘Hawn jien!”

7Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji

r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara,

ta’ min ixandar is-sliem,

ta’ min iħabbar ir-risq,

ta’ min ixandar is-salvazzjoni,

8u jgħid lil Sijon:

“Alla tiegħek isaltan!”

Ismagħha l-għajta!

L-għassiesa tiegħek għollew leħenhom,

ilkoll flimkien jgħajtu bil-ferħ,

għax raw b’għajnejhom lill-Mulej

rieġa’ lura f’Sijon.

9Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm,

għajtu lkoll bil-ferħ,

għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu,

feda lil Ġerusalemm.

10Kixef il-Mulej id-driegħ tiegħu qaddis,

quddiem il-ġnus kollha,

u raw it-truf kollha tal-art

is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

11Itilqu, itilqu, oħorġu minn hemm,

tmissu xejn imniġġes.

Oħorġu minn ġo nofsha! Tnaddfu,

intom li ġġorru tagħmir il-Mulej.

12Għax intom ma toħorġux imgħaġġla,

u ma titilqux qiskom maħruba,

għax jimxi quddiemkom il-Mulej

u warajkom Alla ta’ Iżrael.Is-sofferenzi tal-Qaddej tal-Mulej

13Araw! il-qaddej tiegħi jsib ir-risq,

jintrefa’, jogħla u jkun ’il fuq minn kulħadd.

14Bħalma ħafna ndiehxu minnu,

- għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem,

u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem -

15hekk għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih.

Quddiemu s-slaten jagħlqu ħalqhom,

għax għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet,

u jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help