1Min imiss il-qatran jitħammeġ,
u min ikollu x’jaqsam ma’ bniedem kburi jsir bħalu.
2Terfax toqol li ma tiflaħx għalih,
u qis li ma jkollokx x’taqsam
ma’ min hu b’saħħtu, u għani aktar minnek.
X’għandha x’taqsam ġarra ma’ kitla?
Jekk jaħbtu, hi ssir frak.
3Jiżbalja l-għani, u minn fuq jibda jhedded,
imma jekk xi ħadd jiżbalja kontra l-fqir,
dan ikollu saħansitra jitlob skuża.
4L-għani met’għandu bżonnok, jinqeda bik,
imma meta jkun jonqsok xi ħaġa, jitilqek.
5Meta għandek il-ġid, jiġi jgħix miegħek;
jerdagħlek ġidek bla ma jagħti kas.
6Ikollu bżonnok, u jqarraq bik,
jitbissimlek, u jimliek bit-tama;
jgħidlek ħwejjeġ sbieħ u jistaqsik: ‘Għandek bżonn xi ħaġa?’
7U jġagħlek tistħi bl-ikel li jagħtik,
sakemm ikun ħadlek kollox għal darbtejn tlieta,
u fl-aħħar jiddieħek bik.
Meta mbagħad jarak, jitbiegħed minnek,
u jibda jċaqlaq rasu għalik.
8Qis li ma titqarraqx,
li ma tiġix umiljat minħabba fi bluhatek.
9Jekk setgħani jistiednek, żomm lura,
u aktar u aktar jistiednek.
10Tersaqx ’il quddiem, li ma tintefax lura,
u toqgħodx ’il bogħod wisq, li ma tintesiex.
11Titħajjarx iġġib ruħek miegħu bħalkieku kont daqsu,
u temminx il-ħafna kliem li jgħidlek,
għax b’ħafna diskors jipprova jġarrbek;
jitbissimlek u jkun qiegħed jistħarrġek.
12Bla qalb hu dak li ma jżommx kliemu;
ma jeħilsikx mill-moħqrija u mill-irbit.
13Ħu ħsieb u għasses sewwa,
ma’ min irid ifixklek.
14 Meta tisma’ dan stenbaħ min-ngħas tiegħek,
ħobb il-Mulej tul ħajtek kollha,
u sejjaħ lilu għas-salvazzjoni tiegħek.
15Kulma jgħix iħobb ’il min hu bħalu,
u kull bniedem il-proxxmu tiegħu.
16Kull ħlejqa tinġibed għal waħda tal-istess għamla,
u l-bniedem jingħaqad ma’ ħlejqa tixbah lilu.
17X’għandu x’jaqsam lupu ma’ ħaruf?
Daqshekk ieħor il-midneb mat-twajjeb.
18X’għandha x’taqsam il-jena mal-kelb,
u x’għandu x’jaqsam l-għani mal-fqir?
19Il-ħmir selvaġġi fid-deżert huma l-kaċċa tal-iljuni;
hekk ukoll il-fqar il-mergħa tal-għonja.
20Il-kburi jistmell l-umiltà,
u l-għani jistmell il-fqir.
21Meta għani jixxengel, ħbiebu jżommuh sod;
meta l-fqir jaħbat se jaqa’, sa ħbiebu jimbuttawh.
22Meta għani jiżloq, ħafna jgħinuh,
jitkellem kif m’għandux, u jagħtuh raġun;
imma fqir jitfixkel, jgħidu li ħtija tiegħu,
u jekk jitkellem bil-għaqal, ma jagħtuhx widen.
23Jitkellem l-għani, u ħafna jibqgħu siekta,
u l-kelma tiegħu jgħolluha m’ogħla s-sħab,
imma meta jitkellem il-fqir jgħidu: ‘Dan min hu?’
u jekk jitfixkel, ikomplu jwaqqgħuh.
24L-għana hu tajjeb fejn m’hemmx dnub;
imma għal min ma jibżax minn Alla l-faqar hu ħażin.
25Qalb il-bniedem tbiddillu l-bixra ta’ wiċċu,
jew għall-aħjar, jew għall-agħar.
26Wiċċ daħkan jixhed qalb hienja,
imma li titkellem bil-proverbji jitlob ħafna ħsieb.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.