RUT Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebIl-ktieb ta’ Rut jagħti indikazzjoni dwar il-ħajja fil-familja Lhudija fi żmien l-Imħallfin. Din il-familja partikulari, saret importanti ħafna fil-ġrajja tal-Poplu Lhudi, għaliex wieħed mill-pro-neputijiet ta’ Rut kien is-Sultan David.Flimkien ma’ Rut, niltaqgħu ma’ protagonista oħra importanti f’dan il-ktieb: Nagħomi. Din kienet tgħix f’Betlehem ma’ żewġha u ż-żewġ uliedha subien. Wasal, però, mument fejn il-ħsad naqas u l-familja kellha temigra lejn Mowab fuq il-Lvant tal-Baħar il-Mejjet. Hemmhekk, ir-raġel ta’ Nagħomi miet u ż-żewġ uliedha żżewġu nisa Mowabiti. Rut kienet waħda minnhom.Mal-mewt taż-żewġ uliedha, Nagħomi ħasbet li terġa’ lura lejn Betlehem. Hi qalet lin-nisa ta’ wliedha biex jibqgħu f’pajjiżhom u mal-familji tagħhom sakemm isibu rġiel oħra biex jerġgħu jiżżewġu. Rut ma ridetx tħalli lill-kunjata tagħha u marret Betlehem magħha.Il-bqija tal-ktieb jirrakkonta kif Rut bdiet tmur, bħal nisa fqar oħra, tlaqqat l-iżbul li l-ħassada jħallu jaqa’. L-għalqa li sabet ruħha fiha kienet ta’ Bogħaż, qarib għani ħafna ta’ Nagħomi, u li kellu d-dritt tal-fidwa skont il-Liġi. Rut imxiet fuq il-pariri ta’ Nagħomi sakemm waslet biex iżżewġet lil Bogħaż.Skont il-Liġi ta’ Mosè, il-Mowabiti ma setgħu qatt isiru Iżraelin. Iżda f’dan il-ktieb insibu kif Rut daħlet fid-drawwiet u t-twemmin tal-Lhud. Hi aċċettat lil Alla ta’ Nagħomi bħala Alla tagħha u baqgħet dejjem fidila lejh. Hekk setgħet tiġi integrata fost l-Iżraelin. Meta kienu għadhom Mowab, hi qalet lil Nagħomi:Fejn tmur int, immur jien; fejn toqgħod int, noqgħod jien; niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi; fejn tmut int, immut jien; u hemm nindifen. Dan jagħmilli, u aktar, il-Mulej, jekk ma tkunx il-mewt li tifridna (1,17).It-taqsim tal-ktiebNagħomi tmur lura Betlehem flimkien ma’ Rut (1,1-22)Rut tiltaqa’ ma’ Bogħaż (2,1—3,18)Bogħaż jiżżewweġ lil Rut (4,1-22)