1Salm. Ta’ David, meta kien fid-deżert ta’ Ġuda.
2Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
3Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
4Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.
5Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;
ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
6Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
7meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar,
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
8Għax int kont għajnuna għalija,
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
9Miegħek tingħaqad ruħi,
int tweżinni bil-leminija tiegħek.
10Dawk li jfittxu jneħħuli ħajti
jinżlu fil-qiegħ nett tal-art.
11Taħt is-setgħa tas-sejf jaqgħu,
isiru ikel għall-klieb selvaġġi.
12Imma s-sultan f’Alla jifraħ;
jiftaħar kull min jaħlef bih;
imma jintebaq fomm il-giddieba.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.