1Min iħobb id-dixxiplina, iħobb it-tagħlim,
imma min jobgħod iċ-ċanfir hu bla moħħ.
2Min hu tajjeb jaqla’ ħniena mingħand il-Mulej,
imma l-brikkun ikun ikkundannat.
3Il-ħżiena ma jkunu qatt fis-sod,
imma għerq il-ġusti ma jinqala’ b’xejn.
4Mara tinqala’ l-foħrija ta’ żewġha,
mara bla ġieħ bħal taħsir f’għadmu.
5Ħsibijiet il-ġusti skont is-sewwa,
imma fehmiet il-ħżiena kollha qerq.
6Bi kliemhom il-ħżiena jonsbu għall-ħajja,
imma kliem it-tajbin iġib il-ħelsien.
7Il-ħżiena jintrebħu u jintemmu,
imma nisel it-tajbin jibqa’ sħiħ.
8Bniedem bil-għaqal ta’ min ifaħħru,
bniedem ta’ qalb mgħawġa ta’ min jistmerru.
9Aħjar wieħed fqajjar li jaqla’ kemm jgħix,
minn wieħed kburi li m’għandux ħobż.
10Il-ġust jieħu ħsieb sal-bhima tiegħu,
imma l-ħażin qalbu kiefra.
11Min jaħdem l-għalqa tiegħu jiekol bix-xaba’,
min jagħtiha għall-frugħat hu bla moħħ.
12Id-dar b’saħħitha tal-ħażin tiġġarraf,
imma nisel it-tajbin iżomm sħiħ sal-aħħar.
13Il-ħażin jinqabad mill-qerq ta’ kliemu,
imma l-ġust jeħles mill-għawġ.
14Bi kliem fommu jirnexxi l-bniedem,
u bix-xogħol ta’ jdejh ikollu l-ħlas.
15Triqtu l-iblah jaraha tajba,
imma l-għaref jieħu parir ħaddieħor.
16L-iblah malajr juri s-saħna tiegħu,
imma l-għaqli jaħbi l-għajb li jħoss.
17Min iħobb is-sewwa jixhed is-sewwa,
imma min jixhed ħażin hu kollu qerq.
18Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf,
imma lsien l-għorrief idewwi.
19Kliem is-sewwa jżomm sħiħ għal dejjem,
imma l-ilsien giddieb għomru qasir.
20Il-qerq fil-qalb ta’ min ifassal il-ħsara,
u l-hena f’dawk li jfittxu l-ġid.
21L-ebda ħsara ma tiġi fuq il-ġust,
imma l-ħżiena kollhom għawġ.
22Jistmell il-Mulej lil min hu giddieb,
imma jitgħaxxaq b’min jagħmel is-sewwa.
23Bniedem għaqli jaħbi għerfu,
imma l-iblah ixandar bluhitu.
24Min hu bieżel jimxi ’l quddiem,
imma l-għażżien jibqa’ qaddej.
25L-inkwiet ikiddha qalb il-bniedem,
imma kelma tajba tferraħha.
26Il-ġust jaħrab mill-ħażen,
imma triq il-ħżiena tmexxihom ħażin.
27L-għażżien ma jaqbadx x’jiekol,
imma l-ħabrieka jiksbu ħafna ġid.
28Triq is-sewwa twassal għall-ħajja,
imma l-ħażina tieħu għall-mewt.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.