1 KORINTIN Ħarsa ħafifa lejn l-ittra - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn l-ittraPawlu kiteb din l-ittra lill-insara ta’ Korintu wara li sar jaf li kienu qamu xi firdiet fil-komunità. Għalkemm hi msejħa ‘l-ewwel ittra’, minn kliemu stess nifhmu li kien diġà kiteb qabel (5,9) biex iwissihom ħalli jżommu ’l bogħod miż-żienja. Jidher ukoll li l-Korintin infushom kienu kitbulu u f’din l-ittra qed iwieġeb għal xi mistoqsijiet li kienu għamlulu (7,1).Korintu kienet il-belt kapitali tal-provinċja ta’ Akaja li fiha kien isir ħafna kummerċ. Dan ġab miegħu ħafna taħlit ta’ nies u ta’ kulturi li żied it-tentazzjonijiet għal atti immorali. Kien hemm ħafna kuntatt ma’ reliġjonijiet oħra u allura bdew jinfirxu xi ideat li ma kinux jaqblu mal-Evanġelju li għallem Pawlu.L-Appostlu beda l-ħidma tiegħu f’post fejn kienu jiltaqgħu l-Lhud, imma kellu jiċċaqlaq minn hemm u jmur joqgħod għand wieħed pagan li kien sar nisrani. Ħafna minn dawk li emmnu kienu fqar, imma kien hemm oħrajn li kienu sinjuri, saħansitra t-teżorier tal-belt. Kif jgħid hu stess, Pawlu qatt ma ried ikun piż għal ħadd, ukoll jekk kellu d-dritt għal remunerazzjoni bħala predikatur. Kien fil-fatt jaħdem it-tined biex jaqla’ ħobżu.L-akbar inkwiet ta’ Pawlu kien kif l-insara ta’ Korintu kienu jinqatgħu fi klikek u dan kien qed joħloq il-firda bejniethom. L-imġiba tagħhom lejn xulxin xejn ma kienet tixraq lit-tagħlim li kienu rċevew. Wieġeb ukoll il-mistoqsijiet tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ sess, żwieġ, l-ordni fil-knisja, problemi ta’ kuxjenza, id-doni tal-Ispirtu s-Santu, u l-qawmien mill-mewt.L-aktar silta popolari minn din l-ittra hi l-innu għall-glorja tal-imħabba li nsibu f’kapitlu 13. L-imħabba hi aqwa mill-fidi u t-tama u hi permezz tal-imħabba li kull inkwiet jista’ jinħall. Jekk kull nisrani jgħix l-imħabba kif deskritta f’dan l-innu, ma jibqax biża’ ta’ nuqqas ta’ ftehim.L-imħabba taf tistabar u tħenn;l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha,ma titkabbarx fuq l-oħrajn;ma tagħmilx dak li mhux xieraq;ma tfittixx dak li hu tagħha,xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni,ma tifraħx bl-inġustizzja,imma tifraħ bil-verità;kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.L-imħabba ma tintemm qatt (13,4-8).It-taqsim tal-ittraIntroduzzjoni (1,1-9)Firdiet fil-Knisja (1,10—4,21)Moralità sesswali u l-ħajja tal-familja (5,1—7,40)Insara u pagani (8,1—11,1)Il-ħajja fil-Knisja u l-liturġija (11,2—14,40)Il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu u dak ta’ min jemmen (15,1-58)Il-ġabra għall-insara fil-Lhudija (16,1-4)Aħbarijiet personali u konklużjoni (16,5-24)