SALMI 18 - Maltese Bible with DC

Salm 18Tifħir u ħajr wara r-rebħa

1Għall-mexxej tal-kor. Ta’ David, il-qaddej tal-Mulej, li qal il-kliem ta’ din l-għanja lill-Mulej dakinhar li hu ħelsu minn id l-għedewwa kollha tiegħu u minn Sawl.

2Hu qal:

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

3Il-Mulej blata tiegħi, fortizza u ħellies tiegħi,

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,

qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!

4Insejjaħ il-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,

u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.

5Imwieġ tal-mewt ħakmuni,

widien tal-biża’ werwruni,

6ħbula tal-imwiet dawruni,

xbiek tal-mewt inqaleb fuqi.

7Fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt,

tlabt l-għajnuna ’l Alla tiegħi;

hu sama’ leħni mit-tempju tiegħu,

f’widnejh waslet l-għajta tiegħi.

8Tqanqlet u theżżet l-art,

triegħdu s-sisien tal-muntanji,

u tqanqlu bis-saħna tal-korla tiegħu.

9Duħħan ħareġ minn imnifsejh,

u nar li jħarbat minn fommu,

minnu jarmi ilsna tan-nar.

10Feraq is-smewwiet u niżel,

bi ċpar iswed taħt riġlejh.

11Fuq kerubin rikeb u tar,

niżel b’ħeffa fuq ġwienaħ ir-riħ.

12Bid-dlam insatar bħal b’libsa,

sħab iswed u magħqud l-għarix tiegħu.

13Mid-dija ta’ quddiemu sħab joħroġ,

silġ u ilsna tan-nar.

14Riegħed il-Mulej mis-smewwiet,

l-Għoli semma’ leħnu.

15Telaq il-vleġeġ tiegħu u xerridhom,

għamel il-beraq u ħarrabhom.

16U dehru qigħan il-baħar,

inkixfu s-sisien tal-art,

mat-theddida tiegħek, Mulej,

man-nefħa ta’ mnifsejk.

17Mill-għoli medd idu u ħatafni,

ħariġni minn baħar ta’ ilma.

18Mill-għedewwa b’saħħithom ħelisni,

mill-għedewwa li jifilħu aktar minni.

19Ġew fuqi f’siegħa ħażina,

iżda l-Mulej waqaf miegħi.

20Ħariġni ’l barra fil-wisa’;

ħelisni, għax lili jħobbni.

21Ħallasni l-Mulej skont il-ġustizzja tiegħi,

raddli skont is-safa ta’ idejja.

22Għax jien żammejt triqat il-Mulej,

ma tbegħidtx bid-dnub minn Alla tiegħi.

23Quddiemi huma d-digrieti kollha tiegħu;

ma warrabtx minni l-preċetti tiegħu.

24Bla tebgħa kont quddiemu,

mill-ħtija ħarist lili nnifsi.

25Raddli l-Mulej skont il-ġustizzja tiegħi,

skont is-safa ta’ idejja li ra b’għajnejh.

26Ma’ min hu tajjeb inti timxi bit-tajjeb,

ma’ min hu bla ħtija inti timxi bla ħtija;

27ma’ min hu safi inti timxi bis-safa,

ma’ min jgħawweġ timxi bil-għaqal.

28Għax inti ssalva l-poplu fqajjar,

u l-għajnejn kburin tbaxxihom.

29Inti tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi;

Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi.

30Bik jien negħleb il-qtajja’ tal-għedewwa;

bl-għajnuna ta’ Alla tiegħi nirbaħ is-swar!

31Dritta hi t-triq ta’ Alla;

safja hi l-kelma tal-Mulej.

Tarka huwa Alla għal kull min jistkenn fih.

32Għax min hu Alla ħlief Jaħweh?

Min hu blata ħlief Alla tagħna?

33Hu Alla, li ħażżimni bil-qawwa;

fetaħli triq dritta quddiemi.

34Bħal taċ-ċriev jagħmilli riġlejja,

fuq l-għoljiet fis-sod iqegħedni.

35Idejja jħarriġli għat-taqbida;

ark tal-bronż jiġbdu dirgħajja.

36Int tajtni t-tarka tas-salvazzjoni tiegħek,

lemintek għenitni, l-għajnuna tiegħek kabbritni.

37Int wessajtli t-triq quddiemi,

u ma tfixklux riġlejja.

38Neħodha għal wara l-għedewwa u nilħaqhom,

ma nerġax lura qabel neqridhom.

39Nagħtihom daqqa, ma jqumux iżjed minnha;

jaqgħu mirbuħa taħt riġlejja.

40Int tħażżimni bil-qawwa għat-taqbida,

taħti titfa’ ’l dawk li jqumu għalija.

41Iġġiegħel l-għedewwa jaħarbu quddiemi;

jien neqred ’il dawk li jobogħduni.

42Jgħajtu għall-għajnuna, u ħadd ma jgħinhom;

lill-Mulej isejħu, u ma jweġibhomx.

43Bħat-trab itir mar-riħ nagħmilhom,

bħat-tajn tat-triqat ngħaffeġ fuqhom.

44Int teħlisni minn poplu ġellied,

fuq il-ġnus inti tqegħedni;

u poplu, li ma nafux, jaqdini.

45Malli jisimgħu bija, joqogħdu għalija;

il-barranin jinxteħtu sal-art quddiemi.

46Il-barranin jaqgħu mifnija,

joħorġu mwerwra mill-fortizza tagħhom.

47Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!

Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

48Alla, li għenni biex tħallast mill-għedewwa,

li qegħedli l-ġnus taħt riġlejja!

49Int teħlisni mill-għedewwa tiegħi,

tqegħedni fuq min jaħbat għalija,

teħlisni min-nies vjolenti.

50Għalhekk infaħħrek fost il-ġnus, Mulej,

u ngħanni t-tifħir ta’ ismek.

51Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,

juri mħabbtu mal-midluk tiegħu;

ma’ David u nislu għal dejjem.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help