1Ta’ David.
Lilek, Mulej, insejjaħ;
blata tiegħi, la tittarraxx għalija.
Jekk int tibqa’ sieket miegħi,
inkun nixbah lil min jinżel fil-ħofra.
2Isma’ leħen it-tnehid tiegħi
meta nsejjaħ l-għajnuna tiegħek,
kull meta nerfa’ jdejja
lejn is-santwarju mqaddes tiegħek.
3Tiġbornix man-nies ħżiena,
ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen,
li kliem ta’ sliem jgħidu lil għajrhom,
u qalbhom bil-qerq mimlija.
4Ħallashom skont għemilhom,
skont l-għemejjel ħżiena tagħhom;
skont dak li għamlu jdejhom,
roddilhom il-ħlas li ħaqqhom.
5Għax ma jaħsbux f’dak li għamel il-Mulej,
dak li għamlu jdejh.
Hu jeqridhom u ma jqajjimhomx iżjed!
6Imbierek il-Mulej,
għax sama’ leħen it-tnehid tiegħi.
7Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi u t-tarka tiegħi,
fih ittamat qalbi;
ksibt l-għajnuna u ferħet qalbi;
irroddlu ħajr bil-għana tiegħi.
8Il-Mulej hu s-saħħa tal-poplu tiegħu,
kenn tas-salvazzjoni għas-sultan, il-midluk tiegħu.
9Salva l-poplu tiegħek, bierek ’il wirtek,
kun ir-ragħaj tagħhom, erfagħhom għal dejjem!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.