1Reħobogħam mar f’Sikem, għax f’Sikem kien iltaqa’ Iżrael kollu biex jagħmluh sultan.
2Ġara li Ġerobogħam bin Nebat kien l-Eġittu, fejn kien ħarab minn quddiem is-sultan Salamun; malli sama’ b’dan raġa’ lura mill-Eġittu.
3Imbagħad bagħtu jsejħulu u hu ġie. U Ġerobogħam u Iżrael kollu ġew u qalu lil Reħobogħam:
4“Missierek qegħdilna madmad iebes fuqna; issa ħaffilna dan il-jasar ta’ missierek u dan it-toqol ta’ madmad, u aħna nservuk.”
5U hu weġibhom: “Morru u ħallu tlitt ijiem jgħaddu, u erġgħu ejjew għandi.” U l-poplu mar.
6Imbagħad is-sultan Reħobogħam ħa parir mingħand ix-xjuħ tal-kunsill, li missieru Salamun, kemm dam ħaj, kien iżommhom madwaru biex jgħinuh. U Reħobogħam staqsiehom: “Xi tweġiba jidhrilkom li għandi nagħti lil dan il-poplu?”
7U huma weġbuh: “Jekk illum inti tkun twajjeb ma’ dan il-poplu u tagħraf togħġobhom u tfittex tkellimhom bit-tajjeb, huma jkunu l-qaddejja tiegħek għal dejjem.”
8Iżda hu warrab fil-ġenb dan il-parir li tawh ix-xjuħ tal-kunsill, u fittex il-parir taż-żgħażagħ li kienu trabbew miegħu u kienu madwaru.
9U staqsiehom: “Xi tweġiba jidhrilkom li għandi nagħti lil dan il-poplu li kellmuni u qaluli, ‘Ħaffilna l-madmad li qegħdilna missierek’?”
10U ż-żgħażagħ li kienu trabbew miegħu weġbuh u qalulu: “Hekk għid lil dan il-poplu, li kellmuk u qalulek: ‘Missierek taqqal il-madmad fuqna, issa ħaffifhulna inti,’ hekk għidilhom: “Sebgħi ż-żgħir eħxen minn ġenbejn missieri.
11Missieri taqqlilkom il-madmad u jien se nżid fuqu. Missieri kien isawwatkom bil-frosta, jien insawwatkom bl-iskorpjuni.”
12Fit-tielet jum ġie Ġerobogħam flimkien mal-poplu kollu għand Reħobogħam hekk kif kien ordnalhom is-sultan stess meta qalilhom: “Erġgħu ejjew għandi fit-tielet jum.”
13Iżda kiefra kienet it-tweġiba tas-sultan wara li s-sultan Reħobogħam kien warrab fil-ġenb il-parir tax-xjuħ tal-kunsill
14u qagħad għall-parir taż-żgħażagħ. Għalhekk qalilhom: “Missieri taqqlilkom il-madmad tagħkom u jien se nżid fuqu. Missieri kien isawwatkom bil-frosti, imma jien insawwatkom bl-iskorpjuni.”
15U hekk is-sultan baqa’ ma tax widen lill-poplu, ladarba din il-ħaġa seħħet kif kien riedha Alla, biex il-Mulej isaħħaħ kelmtu, li kien qal lil Ġerobogħam bin Nebat permezz tal-profeta Aħija s-Siluni.1 Slat 11,29-39; 12,15.
16Meta Iżrael kollu ra li s-sultan ma tahomx widen, il-poplu wieġeb lis-sultan u qallu:
“Ebda sehem ma għandna ma’ David;
ebda wirt ma’ bin Ġesse.
Għat-tined tiegħek, Iżrael!
Issa aħseb int għal darek, David!”
U Iżrael kollu telqu għat-tined tagħhom.
17Iżda Reħobogħam baqa’ jsaltan fuq ulied Iżrael li kienu joqogħdu fl-ibliet ta’ Ġuda.
18Meta mbagħad is-sultan Reħobogħam bagħat lil Ħadoram, dak li kien jieħu ħsieb ix-xogħol tal-lieva, ulied Iżrael ħaġġruh u qatluh. Imbagħad is-sultan Reħobogħam fittex jirkeb il-karru biex jaħrab lejn Ġerusalemm.
19Hekk Iżrael inqata’ minn David, u baqgħu mifrudin sal-lum.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.