1Wieġbu Elifaż it-Temani:
2“Jista’ l-bniedem jiswa lil Alla?
Jiswielu għallinqas l-għaref?
3X’se żżidlu ’l Xaddaj bil-ħajja tajba tiegħek?
X’se jdaħħal Alla minn imġibtek bla tebgħa?
4Jewwilla għat-tjieba tiegħek li Hu jċanfrek
u jġibek għall-ħaqq tiegħu?
5Mhux għax kbira hi ħżunitek,
u ħtijietek ma ssibx tarfhom?
6Int ħadt ir-rahan lil ħutek għal xejn b’xejn,
u neżżajt għerja lill-imċerċrin.
7Int ċħadt l-ilma lill-għajjenin
u ma tmajtx lill-imġewħin.
8Int għax tiflaħ ksibt l-art,
u tgħammar fiha b’rasek merfugħa.
9Int bgħatt ir-romol b’idejhom vojta,
u sħaqt dirgħajn l-iltiema.
10Għalhekk tara nases madwarek,
u biża’ li jaħkmek għal għarrieda.
11Jew kont taħseb li ma tarax id-dlam,
u li ma jgħerrqikx l-għargħar?
12Mhuwiex Alla l-Ogħla tas-sema,
u jara ras il-kwiekeb li huma fl-għoli?
13U int tiġi tgħid: ‘X’jaf Alla?
Kif jista’ jiġġudika b’dak is-sħab iswed?
14Jgħattih is-sħab u ma jħallihx jara,
fuq il-ħnejja tas-sema Hu jimxi.’
15Trid int taqbad it-triq il-mudlama,
li għaddew minnha n-nies il-ħżiena,
16nies li nħatfu qabel żmienhom,
meta xmara ġarrfet is-sisien tagħhom?
17Dawn qalu ’l Alla: ‘Ħallina bi kwietna;
x’jista’ jagħmel Xaddaj għalina?’
18Iżda kien Hu li mela bil-ġid lil djarhom,
għad li ħsieb il-ħżiena mbiegħed minnu.
19Jaraw dan il-ġusti u jifirħu,
dawk ta’ bla ħtija jiddieħku u jgħidu:
20‘Ġie fix-xejn il-kobor tagħhom,
u l-ġid tagħhom belgħu n-nar.’
21Erġa’ lejn Alla, agħmel ħbieb miegħu,
u mbagħad ikollok riżq tajjeb.
22Ilqa’ t-tagħlim ħiereġ minn fommu,
u aħżen ġo qalbek kliemu.
23Jekk iddur lejn Xaddaj terġa’ tintrafa’;
jekk tbiegħed minn darek id-dnewwa,
24jekk tarmi fit-trab id-deheb tiegħek,
u qalb iċ-ċagħak tal-wied id-deheb fin tiegħek,
25ikun Xaddaj id-deheb tiegħek,
u l-ħażniet tal-fidda tiegħek.
26Issib f’Xaddaj l-għaxqa tiegħek
u lejn Alla int terfa’ wiċċek.
27Xħin titolbu Hu jagħtik widen,
u int troddlu l-wegħdiet tiegħek.
28Kulma trid tagħmel jirnexxilek,
għax jiddi d-dawl fuq mogħdijietek.
29Jekk ibaxxuk, għid: ‘Jiġi l-qawmien,’
għax jingħata l-għajnuna min ibaxxi rasu.
30Alla jeħles lil kull min hu bla ħtija,
u int tinħeles għas-safa ta’ jdejk.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.