1Meta tkun qed tiekol ma’ xi ħadd kbir,
aħseb sewwa min għandek quddiemek;
2u jekk int wikkiel ħafna,
agħmel sikkina ma’ gerżumtek.
3Tixxennaqx għall-ikel bnin tiegħu,
għax hu ikel li jqarraq bik.
4Titħabatx biex tikseb il-ġid,
dan il-ħsieb neħħih minn moħħok;
5kif titfa’ għajnejk fuqu, ikun ġa għadda;
għax żgur irabbi l-ġwienaħ,
u jtir bħal ajkla fl-ajru.
6Tikolx il-ħobż ma’ min hu xħiħ,
tixxennaqx għall-ikel bnin tiegħu;
7għax hu bħal wieħed jgħodd bil-qjies f’qalbu.
Jgħidlek: “Kul u ixrob”,
iżda mhux minn qalbu.
8Il-bukkun li tiekol taqilgħu,
u tkun ħlejt il-kliem sabiħ tiegħek.
9Toqgħodx titkellem ma’ min hu iblah,
għax hu jmaqdar il-kliem għaqli tiegħek.
10Tneħħix il-ġebel qadim ta’ bejn għalqa u oħra,
u tidħolx fir-raba’ tal-iltiema;
11għax min iħarishom qawwi ħafna,
hu jiddefendi kontrik il-kawża tagħhom.
12Żomm moħħok fit-tagħlim,
agħti widen għal kliem id-dehen.
13Tħallix lit-tifel bla twiddib;
mhux se jmut għax issawtu bil-bastun.
14Jekk issawtu bil-bastun,
tkun qed teħilsu mill-mewt.
15Ibni, jekk qalbek tħobb l-għerf,
lili wkoll tferraħli qalbi;
16nifraħ b’qalbi kollha,
meta minn fommok joħroġ is-sewwa.
17Tħallix lil qalbek tgħir għall-midinbin,
iżda ibqa’ kuljum fil-biża’ tal-Mulej.
18Għax hemm ħajja għalik għaż-żmien li ġej,
u t-tama tiegħek ma tkunx fiergħa.
19Isma’, ibni, u kun bil-għaqal,
u agħraf imxi fit-triq it-tajba.
20Tagħmilhiex ma’ dawk li jlegilgu l-inbid,
u ma’ dawk li għandhom kilba għal-laħam;
21għax l-ikel u x-xorb żejjed iwasslu għall-faqar,
u min iħobb l-irqad iċ-ċraret jilbes.
22Isma’ minn missierek li tak il-ħajja,
u tmaqdarx ’l ommok meta tixjieħ.
23Ixtri s-sewwa u terġax tbigħu;
ikseb l-għerf, it-tagħlim u d-dehen.
24Missier il-ġust għandu ħafna għax jifraħ,
min għandu ibnu għaref jithenna bih.
25Jithennew bik missierek u ommok,
u tifraħ bik dik li wilditek!
26Ibni, agħtini qalbek,
u għajnejk jitgħaxxqu bi triqati.
27Mara żienja hi bir bla qiegħ,
mara ġerrejja bħal bir dejjaq.
28Bħal ħalliel toqgħod tissajja, u
tkattar l-irġiel li jibdlu ’l marthom.
29Min hu fl-għali jew fin-niket?
Min hu fil-ġlied u fl-inkwiet?
Min hu msawwat bla ma jaf għaliex?
Min għandu għajnejh ħomor nar?
30Dawk li jdumu jixorbu l-inbid,
dawk li jfittxu jduqu x-xorb imħawwar.
31Tħarisx lejn l-inbid meta jkun iħammar,
meta jkun itextex fit-tazza.
32Jinżillek ħelu, u mbagħad bħal serp jigdmek,
u bħal lifgħa jniggżek.
33Għajnejk jaraw kollox bil-maqlub,
u minn moħħok joħroġ kliem imħawwad.
34Tkun qisek mimdud fuq wiċċ il-baħar,
bħal wieħed mitluq mal-art fuq ġifen.
35U thewden: ‘Laqtuni, imma ma ħassejtx;
sawtuni, imma ma weġġajtx.
Xħin niġi f’tiegħi,
nerġa’ mmur infittex l-inbid.’
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.