1Teħodhiex ma’ bniedem b’saħħtu,
li ma tmurx tiġi f’idejh.
2Ara li ma tħaqqaqhiex ma’ bniedem għani,
li ma jmurx juża ġidu kontrik;
għax id-deheb wassal ħafna għat-telfien,
u xaqleb saħansitra qlub is-slaten.
3Teħodhiex ma’ bniedem lablabi,
u twaddabx ħatab fin-nar tiegħu.
4Tiċċajtax ma’ wieħed imrobbi ħażin,
li ma jmorrux jiġu mżebilħa missirijietek.
5Tbaxxix il-bniedem niedem minn dnubietu;
ftakar li lkoll kemm aħna ħaqqna l-kastig.
6Iżżeblaħx bniedem fi xjuħitu
għax ħafna minna għad jixjieħu.
7Tifraħx b’mewt ħaddieħor;
ftakar li lkoll kemm aħna għad nintemmu.
It-tradizzjoni8Twarrabx minn kliem l-għorrief,
u kun midħla tal-qwiel tagħhom,
għax mingħandhom tikseb it-tagħlim,
u ssir taf taqdi lill-kbarat.
9Tonqosx tagħti kas ta’ kliem ix-xjuħ,
għax huma wkoll tgħallmu mingħand missirijiethom;
mingħandhom titgħallem tkun bil-għaqal,
u meta jenħtieġ tkun tista’ tagħti tweġiba.L-għaqal
10Tqabbadx il-faħam tal-midneb,
li ma tmurx tinħaraq bin-nar tal-ħuġġieġa tiegħu.
11Twarrabx minn quddiem bniedem kiesaħ,
li ma jmurx jonsbok u jaqbdek fi kliemek.
12Tislifx lil min hu aktar b’saħħtu minnek,
u jekk tisilfu, għodd flusek b’mitlufa.
13Twigħedx bħala rahan aktar milli tista’,
u jekk twiegħed, qis ruħek imdejjen.
14Ittallax imħallef il-qorti,
għax isir ħaqq minnu skont il-ġieħ li għandu.
15Timxix fit-triq ma’ bniedem prużuntuż,
li ma jmurx ikun ta’ piż għalik;
għax hu jagħmel dak li tgħidlu rasu,
u minħabba l-bluha tiegħu tintilef miegħu.
16Teħodhiex ma’ bniedem li jitlagħlu,
u taqsamx id-deżert miegħu,
għax għalih id-demm qisu xejn,
u fejn ma ssibx għajnuna jħebb għalik.
17Tiħux parir mingħand min hu bla moħħ,
għax m’għandux ħila jżomm sigriet.
18Quddiem barrani tagħmel xejn li għandu jinżamm moħbi,
għax ma tafx x’jaqbad ixerred.
19Tiftaħx qalbek ma’ min ġie ġie;
tistenniex li dan se jġiblek ir-risq.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.