SALMI 59 - Maltese Bible with DC

Salm 59Talba għall-ħelsien mill-għedewwa

1Għall-mexxej tal-kor. Fuq “La teqridx.” Miktam. Ta’ David, meta Sawl bagħat in-nies jgħassulu f’daru biex joqtlu.

2Eħlisni mill-għedewwa, o Alla tiegħi,

ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

3Eħlisni minn dawk li jagħmlu l-ħażen,

salvani min-nies qattiela.

4Għax huma jinħbew biex jonsbuli ħajti,

nies qalila jinġemgħu kontrija;

u dan, Mulej, bla tort u bla ħtija tiegħi.

5aGħalkemm jien bla ħtija,

huma jiġru u jlestu għalija.

6aImma int, Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael,

5bqum, ejja u ara b’għajnejk.

6bStenbaħ biex tħallas il-ġnus kollha;

la tħennx għal min jagħmel il-ħażen bil-qerq.

7Jersqu kull filgħaxija, jinbħu bħal klieb,

jiġġerrew ’l hawn u ’l hemm mal-belt.

8Arahom, kliemhom ibaqbaq fuq fommhom,

kliem li jniggeż fuq xufftejhom.

“Min se jismagħna?” huma jgħidu.

9Imma int, Mulej, tidħak bihom,

il-ġnus kollha biċ-ċajt teħodhom.

10Qawwa tiegħi, jiena lilek nistenna,

għax inti, Alla, fortizza tiegħi.

11Alla tiegħi, imħabba tiegħi, jiġi jilqagħni;

jurini Alla l-għedewwa tiegħi mirbuħa.

12Eqridhom, o Alla, biex ma jinsiekx il-poplu tiegħi,

ferrixhom u xejjinhom bil-qawwa tiegħek;

int, Sidi, it-tarka tagħna!

13Għal dnub fommhom u għal kliem xufftejhom

jinqabdu fi kburithom;

għall-kliem ta’ saħta u ta’ gideb jinsteħtu.

14Temmhom b’qilltek, temmhom biex ma jkunux iżjed,

biex kulħadd jagħraf li Alla jaħkem fuq Ġakobb

sa trufijiet l-art.

15Jersqu kull filgħaxija, jinbħu bħal klieb,

jiġġerrew ’l hawn u ’l hemm mal-belt.

16Jiġġerrew u jimirħu biex isibu x’jieklu;

u jekk ma jixbgħux, tismagħhom jinbħu.

17Iżda jien ngħanni lill-qawwa tiegħek;

ngħanni ferħan filgħodu fit-tjieba tiegħek

għax int sirt fortizza għalija,

kenn tiegħi f’jum id-dwejjaq.

18Qawwa tiegħi, lilek ferħan ngħanni;

għax inti, Alla, fortizza tiegħi,

Alla tiegħi, imħabba tiegħi!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help