1Oraklu fuq l-Eġittu:
“Arawh il-Mulej riekeb fuq sħaba ħafifa u dieħel l-Eġittu;
jitriegħdu l-allat tal-Eġittu quddiemu,
u qalb l-Eġittu tinħall ġo fih.
2U nkeskes l-Eġizzjani kontra l-Eġizzjani,
jitqabdu wieħed kontra ħuh,
u ieħor kontra sieħbu;
belt kontra belt, u saltna kontra saltna.
3Toħroġ ruħ l-Eġittu minn ġo fih,
u jien inħawwadlu ħsiebu;
u jmorru jistħarrġu l-allat u s-saħħara,
l-erwieħ u l-bassara.
4Jien nerħi l-Eġittu f’idejn sid kiefer,
u sultan bla qalb għad jaħkem fuqu,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej tal-eżerċti.
5U jinxtorob l-ilma tal-baħar,
u x-xmara tinxef u tixxotta għalkollox;
6u s-swieqi jintnu u l-widien tal-Eġittu joforgħu u jinxfu;
il-qasab u l-ħaxix jidbielu.
7Il-ġummar fi xtut in-Nil jintelaq,
u l-miżirgħa kollha fuq xtut in-Nil
tinxef, tittajjar, tgħib.
8Jokorbu s-sajjieda u jitniehdu;
kull min jixħet fin-Nil is-sunnara,
jew jifrex ix-xbiek fuq wiċċ l-ilma, isewwed qalbu.
9Jitħawdu l-ħaddiema tal-kittien,
u l-maxxata u n-nissieġa jisfaru.
10L-għażżiela tal-qoton jintelqu,
u l-ħaddiema mikrija b’diqa f’qalbhom.
11Tassew boloh il-prinċpijiet ta’ Sogħan!
L-aqwa għorrief tal-Fargħun parir iblah tawh.
Kif tistgħu tgħidu lill-Fargħun:
‘Bin l-għorrief jien, bin is-slaten tal-qedem’?
12Fejnhom issa l-għorrief tiegħek?
Ħa jgħidulek u jgħarrfuk
x’għandu f’moħħu għall-Eġittu
il-Mulej tal-eżerċti.
13Bliehu l-prinċpijiet ta’ Sogħan,
tqarrqu l-prinċpijiet ta’ Nof.
Il-kapijiet tat-tribù tiegħu
lill-Eġittu ħarġuh ’il barra mit-triq.
14Xeħet ġo nofshom il-Mulej spirtu ta’ tagħwiġ,
u ħawdu lill-Eġittu f’kulma għamel.
F’kulma għamel ħarġu lill-Eġittu ’l barra mit-triq,
bħalma jitlef triqtu l-bniedem fis-sakra hu u jitqalla’.
15Xejn ma jsir fl-Eġittu,
la mir-ras u lanqas mid-denb,
la mill-palma u lanqas mill-qasba.
16Dakinhar l-Eġittu jkun bħan-nisa, imriegħed u mwerwer, hu u jmidd idu għal fuqhom il-Mulej tal-eżerċti.
18Dakinhar ikun hemm ħamest ibliet fl-art tal-Eġittu jitkellmu lsien Kangħan u jaħilfu b’isem il-Mulej tal-eżerċti; waħda minnhom tissejjaħ Belt ix-Xemx.
19Dakinhar ikun hemm artal għall-Mulej f’nofs l-art tal-Eġittu u plier f’ġieħ il-Mulej f’tarf l-art.
20U jkun ta’ sinjal u xhieda għall-Mulej tal-eżerċti fl-art tal-Eġittu. Meta jsejħu lill-Mulej minħabba dawk li jaħqruhom, hu jibagħtilhom salvatur, li jaqbeż għalihom u jeħlishom.
21U jgħarraf il-Mulej lilu nnifsu lill-Eġizzjani; u l-Eġizzjani jagħrfu dakinhar lill-Mulej, iservuh bil-vittmi u l-offerti, u jagħmlu l-wegħdi lill-Mulej u jrodduhom.Żak 14,16-18.
22U l-Mulej isawwat lill-Eġittu, isawtu u jfejqu. Huma jerġgħu lura għal għand il-Mulej, u hu jikkalma u jfejjaqhom.
23Dakinhar ikun hemm triq mill-Eġittu għall-Assirja, u l-Assirja tiġi l-Eġittu u l-Eġittu jmur l-Assirja, u l-Eġizzjani jservu lill-Mulej flimkien mal-Assiri.
24Dakinhar Iżrael ikun it-tielet mal-Eġittu u l-Assirja, barka f’nofs l-art.Ġen 12,2.
25Iberikhom il-Mulej tal-eżerċti u jgħid: “Imbierek l-Eġittu l-poplu tiegħi, l-Assirja xogħol idejja, u Iżrael il-wirt tiegħi.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.